Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni s-sena li għaddiet, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jorganizza t-tieni edizzjoni ta’ FESTA ĦELU fil-wesgħa ta’ quddiem il-Kunsill Lokali, fi Triq Luigi Pisani, qrib l-Esplora.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi bejn l-10am u 3pm. Il-wesgħa ta’ quddiem il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se tinbidel f’villaġġ għat-tfal b’bouncing castles, trampolin kbir, logħob, krafts, maġija, attivita’ fiżika u bla dubju ħafna ħelu u ħlewwiet oħra b’ikel u xorb ma jonqosx.
”Iddeċidejna li skont l-avviżi li ngħatajna, nmexxu Festa Ħelu għall-Ħadd 23 t’April. Dan għamilnih għax il-Ħadd 16 t’April previst temp bix-xita u riħ kiesaħ u allura b’rispett lejn dawk li jridu jarmaw ix-xogħol tagħhom kif ukoll lejn it-tfal li ħafna minnhom l-għada, jibdew skola, ħadna d-deċiżjoni li ikun aħjar u isbaħ li FESTA ĦELU titella’ f’ġurnata b’temp xemxi u sabiħ. L-idea hi li issa li għadda r-Randan u ċċelebrajna l-Għid il-Kbir, waqt Festa Ħelu nkunu nistgħu nieħdu gost flimkien f’atmosfera sabiħa u ferrieħija. Adulti u tfal jistgħu jgħaddu ħin fil-ġurnata tal-Ħadd f’ambjent maħsub biex nieħdu pjaċir flimkien.”
WAYNE AQUILINA – SINDKU TAL-KALKARA
Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara jixtieq ifakkar li minħabba xogħol għar-riġenerazzjoni tax-xatt, mhux qed isir dħul mill-mina prinċipali tal-Kalkara, iżda biex taslu għal Festa Ħelu, l-vetturi jistgħu jgħaddu mid-daħla ta’ Triq Santa Liberata u jsuqu lejn Triq il-Missjoni Taljana.