Bejn is-Sibt 3 u l-Ħadd 4 ta’ Mejju se tkun qed tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Festa Ħaddiem – Min Id il-Public Works’, festa għall-familja kollha fejn se tkun iċċelebrata l-arti tas-snajja’ tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, spjega li hekk kif ninsabu qrib ix-xahar ta’ Mejju fejn bħala pajjiż niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u l-bżulija tal-poplu Malti u Għawdxi, dan l-eqdem dipartiment fi ħdan is-Settur Pubbliku se jkun qed jiċċelebra
l-varji xogħlijiet tas-snajja’.
Dan se jkun qed isir proprju fi proġett li nħadem u qed ikun immaniġġjat mill-Public Works, fiż-żona tal-kunċerti, fejn tagħmel parti mill-ikbar spazju miftuħ u aħdar li għandu pajjiżna.
“Biex flimkien niċċelebraw il-ħaddiema tal-id, is-snajja’ Maltin li l-Public Works tant huma magħrufin għalih, bi proġetti li jsiru mill-komunitajiet, proġetti wkoll maġġuri, biex nesponu dan it-talent, inħajru anke t-tfal li jkunu qegħdin jaraw dawn it-tip ta’ xogħlijiet biex, fl-aħħar mill-aħħar, tkun festa sabiħa għall-familja kollha.”
Segretarju Parlamentaru, Omar Farrugia
Adiel Cuschieri, mit-Taqsima tal-Komunikazzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, spjegat ma’ ONE News id-diversi attivitajiet li wieħed se jkun jista’ jgawdi minnhom meta jattendi.
“Wieħed jista’ jiġi, jitkellem ma’ dawn n-nies li għandhom snajjiet li qed jintilfu dawn iż-żminijiet. Ħa jkollhom l-għodda tagħhom u se jkunu qed jispjegaw il-proċessi ta’ kif jagħmlu x-xogħol tagħhom. Minbarra hekk, forsi xi ħaġa aktar attraenti għat-tfal, ħa jkollna wkoll attivitajiet differenti, ħa jkollna bouncy castle, kite making, face painting, animators differenti. Imbagħad għal nies naqra akbar ħa jkollna zumba classes, xi ħaġa biex tiċċaqlaq ftit, anke jkun temp sabiħ.”
Adiel Cuschieri, Kelliema Public Works