Il-Kunsill Lokali tal-Iklin qed jorganizza l-11-il edizzjoni ta’ ‘Festa Fjuri’, il-festival annwali li jiċċelebra n-natura, nhar is-Sibt li ġej bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ waranofsinhar.
L-attività fi Triq Ninu Cremona, fl-Iklin, tnediet fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, waqt żjara li għamlet fil-lokalità.
L-attrazzjoni ewlenija se tkun l-infjorata, li din is-sena se tkun magħmula minn 9,000 xitla tal-Petunja. Filfatt il-post se jiddawwar f’ċentru għall-benesseri li jistieden lir-residenti u l-viżitaturi jieħdu interess fin-natura.
Fl-istess attività se tiġi offruta wkoll b’xejn xarba magħmula mill-ħwar tal-Klin, li għalih imsemmija l-istess lokalità, waqt li fi tmiem l-attività se jitqassmu b’xejn il-qsari kollha fl-infjorata.