Nhar il-Ħadd li ġej bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi se jorganizza l-attività ‘Festa Familja’.
Din l-attività għall-familja kollha se tinkludi ġurnata mimlija logħob, spettaklu u divertiment għat-tfal u l-ġenituri. L-għan ta’ din l-attività hu li titkabbar l-għaqda u s-sens ta’ komunità fil-lokalità.
Aktar dwar din l-attività spjegah is-Sindku ta’ Ħal Safi, Johan Mula.
Qal, “Festa li se tkun immirata għat-tfal kollha. Fil-fatt, bħala Kunsill Lokali, slitna Artiklu 31 mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li jgħid ċar u tond, li t-tfal għandhom id-dritt jilagħbu u li jieħdu pjaċir u proprju dak li se nkunu qegħdin nagħmlu aħna nhar il-Ħadd li ġej f’Ħal Safi, funpark, kollox b’xejn għat-tfal ta’ Malta u Għawdex kollu.”
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-attività kien hemm il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, li huma responsabbli mill-qasam tal-Gvern Lokali.
Intqal kif din l-attività mill-Kunsill Lokali se ssir permezz tal-Iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali.