Bandalori jittajru mal-pilandri bl-emblemi tal-psikjatri li ħadmu f’dan l-isptar, bnadar ikkuluriti u statwa meqjuma.
Din hija l-atmosfera ta’ festa li sibna meta żorna l-isptar għas-saħħa mentali ta’ Monte Karmeli f’Ħ’Attard.
Dan l-aħħar ġiet iċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Karmnu, festa li ilha tiġi ċċelebrata sa minn qabel is-snin sittin, b’pompa liema bħala f’dan l-isptar għall-pazjenti.
Ray Fonz, organizzatur ewlieni ta’ din il-festa spjegalna li l-isptar miftuħ ftit wara nofs is-seklu dsatax minn dejjem kien jiċċelebra festa.
Oriġinarjament il-festa kienet issir f’ġieħ San Martin.
Saħaq li l-festa evolviet u din tagħti żvog soċjali lill-pazjenti u l-ħaddiema li jaħdmu f’dan l-isptar.
Ma’ dan l-istazzjon spjega kif ix-xalata li qabel kienet issir f’post mudlam u iżolat, issa qed tagħti sens ta’ dinjità lill-pazjenti fi spirtu ta’ inklussività.
“Ix-xalata qiegħda tiġi organizzata fl-apert ħdejn il-bajjiet, bajjiet li wkoll jiffrekwentawhom il-pubbliku inġenerali. Dan kollu qegħdin nagħmluh biex inkomplu nintegraw il-pazjenti tagħna mal-kumplament tas-soċjetà,” huwa qal.