Nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar se ssir edizzjoni oħra ta’ Festa Ċitru, l-ewwel waħda taħt il-President Myriam Spiteri Debono.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun ikbar u iktar varjata minn qatt qabel, hekk kif il-Palazz ta’ Sant’Anton se jinbidel f’atmosfera ideali għal ħarġa għall-familja kollha.
Id-dettalji dwar din l-edizzjoni ngħataw waqt attività ta’ qtugħ ta’ lumi u larinġ mit-tfal tal-Optimist Club of Malta, fil-preżenza tal-President.
Ġie spjegat li fl-edizzjoni ta’ din is-sena, mhux biss se jinbiegħ iċ-ċitru u prodotti magħmula fil-kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton mil-lumi u l-larinġ, imma wkoll se jkollna divertiment, għana u ikel tradizzjonali, kif ukoll prodotti artiġjanali.
Se jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-aqwa talent lokali, fosthom il-kantanti Fabrizio Faniello u Glenn Vella, gruppi tal-għana akkumpanjati minn Jomike u Lydon.
“Il-Festa Ċitru, il-Ħadd 12 ta’ Jannar, tibda mid-disgħa ta’ filgħodu u importanti li ninnotaw li din se tkun il-Palazz ta’ San Anton, jiġifieri mhux fil-ġnien pubbliku ta’ San Anton, il-palazz se tkun, fid-drive tal-Palazz u fil-bitħa tal-Palazz u taħt l-arkati li għandna fil-Palazz u ovvjament hija attività, l-ewwel waħda tas-sena b’risq il-Malta Community Chest Fund.”
Il-President Myriam Spiteri Debono

