Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa se jorganizza Festa Bengħajsa nhar il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 2025 – attività unika fil-qalba ta’ Bengħajsa li tgħaqqad storja, kultura u divertiment f’ambjent komunitarju. Din il-ġurnata speċjali se toffri programm varjat ta’ attivitajiet għall-familja kollha, u se tgħaqqad il-passat u l-preżent f’atmosfera ta’ nostalġija u tagħrif kulturali.
Il-festa se tibda fil-8:30am fi Triq il-Fortizza bit-tberik tal-annimali, fejn kulħadd hu mistieden jattendi u jġib miegħu l-annimali tiegħu. Wara, se ssir wirja spettakolari ta’ reenactment storiku, li tirrappreżenta mumenti importanti miż-żmien tal-gwerra.
Il-festa se tinkludi wkoll wirjiet ta’ artiġjanat, fejn artiġjani lokali se juru s-sengħa u l-kreattività tagħhom fuq il-post, joffru opportunità biex wieħed japprezza t-tradizzjoni u l-ħidma manwali. Dan filwaqt li għat-tfal se jkun hemm logħob u attivitajiet edukattivi u divertenti f’ambjent sigur u aċċessibbli.
Se jkun hemm ukoll vjaġġ bil-karozza tal-linja storika ta’ Kalafrana – li se jkun servizz speċjali u b’xejn. Il-vjaġġ jinkludi gwida storika pprovduta mill-Għaqda Storja u Kultura, li se tagħti tagħrif dwar Bengħajsa u l-inħawi tagħha. Il-karozza tal-linja se tibda t-tluq minn ħdejn Ferretti fis-08:30am, 10:00am u 11:30am, u minn Bengħajsa fis-09:30am, 11:00am, 01:20pm u 02:30pm, b’waqfiet mitluba fosthom fil-monument ta’ Bush-Gorbachev (Tankijiet), iz-Zuntier tal-Knisja (Sajjied), u ħdejn is-substation ta’ Triq is-Sebħ (Birżebbuġa).
Attrazzjoni ewlenija oħra se tkun il-wirja militari u ta’ karozzi storiċi, organizzata grazzi għall-kollezzjoni personali u eċċezzjonali ta’ Michael, magħruf bħala “Piti ta’ Bengħajsa” – raġel b’passjoni lejn l-istorja li se jippreżenta vetturi, tagħmir u stejjer rari mit-Tieni Gwerra Dinjija li jġibu l-istorja ħajja quddiem għajnejk.
Festa Bengħajsa mhix biss ġurnata ta’ attivitajiet u divertiment, iżda opportunità biex il-komunità tirrifletti fuq il-passat, tapprezza l-kultura u ssaħħaħ l-ispirtu komunitarju. Hija ġurnata li tgħaqqad lin-nies permezz tal-memorja, it-tagħrif u l-għożża lejn dak li jagħmel lil Bengħajsa post uniku. Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa jħeġġeġ lill-pubbliku biex jingħaqad għal din l-attività speċjali li se ssir il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 2025.