Nhar is-Sibt li ġej, 7 ta’ Diċembru se terġa’ ssir Festa Annimali fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.
Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jikseb informazzjoni mingħand għaqdiet volontarji, veterinarji, trainers u behaviourists tal-annimali, bil-għan li jinħeġġu aktar individwi u familji jadottaw annimali mingħand is-santwarji.
Bugeja Said esprimiet sodisfazzjon għas-suċċess tal-edizzjoni li għaddew u qalet li l-Gvern qed jagħti prijorità lill-annimali mhux biss permezz ta’ skemi u inizjattivi, iżda wkoll b’avvenimenti bħal dan, fejn il-familji jistgħu jgawdu flimkien mal-annimali tagħhom.
Il-Kummissarju għall-Ħersien tal-Annimali Alison Bezzina enfasizzat li l-edizzjoni ta’ din is-sena se toffri ġurnata ta’ divertiment u għarfien għall-istorja tal-kura tal-annimali. Se jiġu offruti ID tags b’xejn għal kull kelb, skont il-liġi.
L-attività se tinkludi stalls tal-Milied, logħob għat-tfal, wirjiet informattivi u post sigur għall-klieb. L-avveniment se jittella’ bejn l-10:00am u l-4:00pm.