Tħabbret l-ewwel edizzjoni ta’ Festa Annimali, li se tittella’ l-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru, fil-Park Nazzjonali Malti f’Ta’ Qali.
Festa Annimali hi inizjattiva, bit-tema ta’ ‘Tini Ċans, Ħudni d-Dar’, li se tagħti opportunità lil dawk kollha li huma interessati biex jagħmlu dan il-pass kuraġġjuż u jadottaw kelb, qattus jew annimal ieħor li jkunu sfaw abbandunati u li bħalissa jinsabu fl-għadd ta’ santwarji tal-annimali lokali.
Il-pubbliku se jkun jista’ jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa minn diversi għaqdiet volontarji, veterinarji u professjonisti tal-annimali, li se jkunu preżenti, qabel jittieħed dan il-pass.
Festa Annimali tibda mill-10.00 ta’ filgħodu u toffri divertiment għall-familja kollha, bi stalls tal-Milied, logħob għat-tfal, wirjiet u post sigur fejn il-klieb ikunu jistgħu jilagħbu u jiltaqgħu ma’ annimali oħrajn.
Se jsiru wkoll numru ta’ attivitajiet, bħal bike ride, bil-għan li jinġabru fondi għal dawn is-santwarji involuti u b’hekk ikompli jingħata servizz importanti ta’ protezzjoni lill-annimali li jinġabru mill-voluntieri.
F’dan ir-rigward, tħabbar li l-Gvern se jkun qed jirdoppja s-somma miġbura mill-bike ride biex ikompli jgħin, kif diġà jagħmel, lil tali organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, sostniet li l-għan aħħari jibqa’ li l-ebda annimal ma jibqa’ abbandunat u appellat lil kulħadd biex jattendi għall-attività.
“Nappella biex għada 8 ta’ Diċembru, il-familji Maltin u Għawdxin jiġu f’Ta’ Qali ħalli niċċelebraw l-annimali waqt Festa Annimali. Din hi festa importanti ħafna li qed issir l-ewwel darba u permezz tagħha se nkunu qed nippromwovu iżjed il-ħarsien tal-annimali.”