Jonathan Ferris u Maria Efimova, iż-żewġ minn nies li esponenti tal-Partit Nazzjonalista jiddeskrivu bħala whistleblowers, spiċċaw igiddbu lil xulxin.
Effimova, ir-Russa li ħarbet minn pajjiżna biex ma tweġibx quddiem il-ġustizzja, qalet li meta interrogawha l-pulizija fil-każ li għandha ma’ Pilatus kien hemm ir-rappreżentanti ta’ Pilatus mal-pulizija. Għax skont hi l-pulizija u ta’ Pilatus ħbieb.
F’dan il-kaz kien Jonathan Ferris li mexxa l-interrogazzjoni u mistoqsi dwar hekk mill-MaltaToday, Jonathan Ferris qal li ma kienx hemm uffiċjali tal-bank preżenti. Ferris wieġeb permezz tal-avukati tiegħu Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona li mhux darba u tnejn tkellmu favur Efimova. Qalu li safejn jiftakar Ferris qatt ma kien hemm uffiċjali tal-bank preżenti għall-interrogazzjoni.
L-avukati żiedu li Jonathan Ferris dejjem aġixxa fil-parametri tal-liġi. Li ma kienx hemm uffiċjali tal-bank waqt l-interrogazzjoni qalitu wkoll il-pulizija fl-aħħar jiem fi stqarrija uffiċjali.
Ferris u Efimova diġa’ għandhom kwistjonijiet bejntihom il-Qorti, iżda fl-aħħar xhur sabu front komuni jiġġieldu kontra l-gvern Malti. It-tnejn li huma jagħmlu akkużi li jkunu miċħuda kontinwament iżda din id-darba spiċċaw jisparaw kontra xulxin għax it-tnejn li huma jridu jiddefendu lilhom infushom. Din ma kinetx l-uniku akkuża li għamlet Efimova li kellha wkoll mandati ta’ arrest minn pajjiż ieħor Ewropew.
Fost oħrajn qalet li f’Malta ma tingħatax ‘fair trial’ meta s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna tkun imfaħħra għall-imparzjalità tagħha minn entitajiet differenti inkluż dawk internazzjonali.