L-eks ċampjin tal-Formula 1 f’żewġ okkażjonijiet differenti Fernando Alonso rebaħ it-tellieqa famuża ta’ Le Mans. Din it-tellieqa, li ddum sejra 24 siegħa, ntrebħet mis-sewwieq Spanjol fl-ewwel attentat tiegħu. Huwa kien qed jaqsam il-karozza mas-sewwieqa l-oħra tal-karozza Toyota Gazoo Racing #8 Kazuki Nakajima u Sebastien Buemi.
Il-karozza l-oħra Toyota #7 segwithom fit-tieni post, biż-żewġ karozzi jkunu fi klassi għalihom mill-bqija tal-karozzi fil-kategorija tagħhom.
Din hija l-ewwel rebħa għat-Toyota fit-tellieqa ta’ Le Mans wara diversi diżappunti fis-snin li għaddew, bl-iżjed episodju memorabbli jkun sentejn ilu meta waħda mill-karozzi li kienet qiegħda l-ewwel irtirat mit-tellieqa wara 23 siegħa u 57 minuta mill-24 siegħa.