Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva flimkien mal-Active Ageing Unit ġewwa San Vinċenz De Paul organizzaw ikla għall-anzjani għal żmien il-Milied.
Din kienet it-tieni darba li saret din l-inizjattiva, wara li fl-ewwel Milied tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis żar lill-anzjani li joqogħdu ġewwa San Vinċenz De Paul u għaraf li kien hemm bosta anzjani li qatt jew rari jkollhom min iżurhom.
Minkejja li għall-persuni li għal xi raġuni jew oħra l-familja tagħhom ma żżurhomx dan kapaċi jkun żmien ta’ solitudni, dan is-segretarjat qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu sabiex id-djar residenzjali li jgħixu fihom ikunu għalihom it-tieni familja. Għalhekk, b’din l-inizjattiva, madwar 80 anzjan/a kellhom l-opportunità jidħlu fl-ispirtu tal-Milied, jiddevertu, u jaqsmu l-ferħ flimkien.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis stqarr li din l-inizjattiva se tibqa’ ssir kull sena fost aktar attivitajiet oħra li se jkun hemm fil-futur, bl-għan li l-anzjani jkollhom kumpanija, li nuruhom ir-rispett li jistħoqqilhom, u li nkomplu nisħqu fuq l-inklużjoni tal-anzjani fis-soċjetà u l-anzjanità attiva.
Anthony Agius Decelis tkellem dwar l-irwol importanti li għandhom il-ħaddiema fis-settur tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jaħdmu biex dawn jgħixu ħajja b’dinjità u ta’ kwalità għolja, u temm billi rringrazzja lil kull min ta’ sehmu sabiex għal darb’oħra din l-ikla kienet possibbli.