Il-linja tal-ajru Ryanair se tiftaħ kumpanija sussidjarja f’Malta li se tibda topera b’sitt ajruplani, li flimkien se joħolqu d-ditta Malta Air.
Dan skont kif irrapportat fuq il-faċċata ta’ The Sunday Times of Malta u MaltaToday tal-Ħadd.
Il-bażi f’Malta se tinkludi uffiċċju li se jikkordina l-operat tal-kumpanija, kif ukoll dipartiment tal-inġinerija tal-ogħla kwalità.
Sorsi tal-industrija li tkellmu mal-MaltaToday qalu li dan il-pass tal-linja tal-ajru Irlandiża kien imminenti hekk kif il-kumpanija qed timmira li tkabbar il-flotta tagħha li se topera taħt Malta Air għal tnax-il ajruplan.
Iż-żewġ gazzetti qalu li hu mifhum ukoll li bħalissa għaddejja diskussjoni mal-Malta Industrial Parks biex jinstab sit adekwat għal hangar viċin l-ajruport.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega li Ryanair għandha sitt ajruplani bbażati Malta, li jintużaw għal wieħed u sittin rotta. Bit-twelid ta’ Malta Air, il-linja tal-ajru Irlandiża se tittrasferixxi mat-tliet mitt membru tal-ekkwipaġġ biex imexxu l-operat.
“Issa qegħdin f’diskussjonijiet finali biex Ryanair iċaqalqu l-operat tagħho f’Malta Air u l-ħames ajruplani li għandhom issa jitrassferixxuhom għal Malta Air, u ftehmna magħhom ukoll li fit-tliet snin li ġejjin din se tikber u se nirduppjawha.”
B’hekk, Malta Air se tkun it-tieni linja tal-ajru bbażata f’Malta apparti l-linja Nazzjonali tal-ajru, Air Malta.
“Din l-airline il-ġdid se tikkumplimenta l-Air Malta. Din qegħda hemm beix tibqa’ u se nkabbruha. Se jasslu 2 ajruplani ġodda fis-sajf u se nibdew noffru rotot differenti.”