Aktar nies li fl-aħħar snin missew mad-droga, sabu l-kuraġġ biex ifittxu l-għajnuna.
Fil-fatt, fl-aħħar erba’ snin, minn seba’ mitt persuna li kienu jaċċessaw is-servizzi tal-komunità tal-aġenzija nazzjonali Sedqa, is-sena l-oħra dawn żdiedu għal elf u mija.
L-istess fejn jidħlu l-programmi residenzjali.
Fl-elfejn u dsatax kien hemm tnejn u għoxrin persuna jsegwu programm fil-Komunità Santa Marija. Is-sena l-oħra, dan in-numru tela’ għal tlieta u ħamsin.
Dawn iċ-ċifri tahomlna d-Direttur tal-Operat tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, li tkellimna miegħu fid-dawl tar-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta li tnieda l-ġimgħa li għaddiet.
Id-Direttur tal-Operat tas-Sedqa qalilna li dawk li jattendu għas-servizzi tal-komunità, jirċievu l-għajnuna li jkollhom bżonn f’sessjonijiet ma’ professjonisti differenti filwaqt li jkomplu b’ħajjithom normali.
Iżda l-kura residenzjali hija differenti.
“Residential rehab hija daqsxejn iktar impenjattiva għall-fatt li għal sena u xahrejn, għax il-programm tagħna huwa twil sena u xahrejn, ħa jkun qiegħed ġo residenza ma’ komunità, fejn aħna nsegwu l-kunċett ta’ therapeutic community, fejn inti qed tirċievi t-terapija filwaqt li qed tagħti u tieħu lura fil-kuntest ta’ komunità u allura inti qed tgħix ’il bogħod mill-familja u jkollok tieqaf temporanjament mill-impjieg.”
Is-Sur Scerri spjega kif ħafna drabi, id-deċiżjoni li persuna tidħol għal programm residenzjali tkun ibbażata fuq l-assessjar li jsir mill-professjonisti, iżda iktar minn kollox, fuq ir-rieda tal-persuna.
“Jekk il-persuna tgħidilna, isma’, jien iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tiegħi ma jippermettulix li jien nidħol f’residential rehab. Mhix problema għax inti ħa tieħu l-għajnuna xorta filwaqt li tibqa’ barra. Jekk il-persuna tgħidlek isma’, jiena qiegħed f’diffikultajiet li qed jaffettwaw il-familja tiegħi, qed jaffettwaw l-impjieg tiegħi, għandi bżonn inkun f’ambjent li huwa iktar contained u nidħol għal programm f’residenza. Il-care plans tagħna dejjem huma mfassla fuq ir-rieda u l-motivazzjoni tal-individwu li jiġi biex jitlob l-għajnuna.”
Ir-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta juri li tmenin fil-mija min-nies li fittxew l-għajnuna għall-vizzju tad-droga ġieli użaw servizzi ta’ trattament qabel, filwaqt li għoxrin fil-mija bdew isegwu programm għall-ewwel darba.
Id-Direttur tal-Operat tas-Sedqa qajjem punt importanti ħafna dwar ħsibijiet żbaljati li jeżistu hemm barra.
“Hemm barra hemm il-misconception li inti dħalt għal xi tip ta’ programm u ħriġt nadif. Fil-verità, ir-realtà mhix hekk. Min ikun għaddej minn xi tip jew oħra ta’ addiction, aħna nafu li hija a relapsing condition, jiġifieri hija normali fit-traġitt ta’ persuna li jkun qed jirkupra minn addiction, li jkun hemm relapses at one point or another fil-ħajja tiegħu. Il-fatt li l-persuna qed tfittex l-għajnuna, anki jekk għamlet it-tielet, ir-raba’, il-ħames programm, huwa spunt tajjeb li juri li 1. hemm awareness li meta għandi diffikultà ħa nfittex l-għajnuna u 2. li l-persuna mhix taqta’ qalbha.”
Huwa appella biex kull min għandu l-vizzju tad-droga, ma jibżax jagħmel l-ewwel pass u jfittex l-għajnuna.
“L-għajnuna qiegħda hemmhekk, dejjem available, jiġifieri aħna ninkoraġixxu li l-persuna qatt ma taqta’ qalbha, tevita li tipprova ssolvi l-problemi waħedha, hawn ħafna sapport professjonali li ma jgħinx biss lill-individwu imma anki lill-familjari jew lis-significant other tiegħu, biex flimkien insibu triq biex nemeljoraw is-sitwazzjoni ta’ dak li jkun.”
Min jixtieq jaċċessa s-servizzi tas-Sedqa, jista’ jċempel fuq in-numru 23885110 jew inkella jmur fl-uffiċċju tal-Aġenzija f’Santa Venera, anki mingħajr appuntament.