Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin inħatru 183 surġent ġdid tal-pulizija. Huwa kien qed jindirizza lil 15-il kuntistabbli li llum it-Tnejn, 15 ta’ Mejju 2017, ħadu l-ħatra ta’ surġent flimkien ma’ kuntistabbli ieħor in absentia waqt ċerimonja fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. Tlettax minnhom huma rġiel u t-tlieta l-oħra nisa.
Filwaqt li awgura lis-surġenti l-ġodda, il-Ministru Abela tkellem fuq ir-riforma li qed issir fil-Korp tal-Pulizija, fosthom b’tibdiliet fis-sistema amministrattiva kif ukoll b’investiment f’tagħmir tal-Informatika u ta’ xort’oħra. Barra minn hekk, qed issir enfasi speċjali fuq ir-riżorsa umana, b’ingaġġi ġodda, bi promozzjonijiet mistħoqqa, u bl-għoti ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ kontinwu. Dan kollu jwassal mhux biss biex jingħata servizz aħjar lill-pubbliku imma wkoll biex l-uffiċjali tal-pulizija jkollhom iċ-ċans li javvanzaw fil-karriera tagħhom. Huwa fakkar kif fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, li nfetħet is-sena l-oħra, qed jingħata taħriġ mhux biss professjonali iżda wkoll akkreditat, biex b’hekk ikun ta’ siwi għall-pulizija li jirċevuh anki jekk dawn jiddeċiedu li jirtiraw mill-Korp wara l-25 sena servizz u jiġu biex ifittxu impjieg ieħor.
Il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza li l-pulizija jaraw lin-nies bħala persuni bl-istorja individwali tagħhom u mhux bħala numri, u qal li minbarra permezz tat-taħriġ, din il-bidla qed tiġi xprunata wkoll b’inizjattivi oħra li qed jieħu l-korp. Fost dawn hemm ix-xogħol ta’ rinnovament li beda jsir fl-għases tal-pulizija, li mhux jinvolvi biss tisbiħ għall-għajn iżda wkoll tibdil strutturali li se jippermetti lill-pulizija tilqa’ lin-nies li jmorru fl-għases b’mod dejjem aktar dinjituż. Fakkar li, ftit biss ilu, il-Pulizija fetħet it-Taqsima għall-Appoġġ lill-Vittmi biex, b’mod parallel mal-aspett aktar riġidu tal-investigazzjonijiet, jiffukaw fuq il-bżonnijiet ta’min ikun sofra minn reat.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ħeġġeġ lis-surġenti l-ġodda biex jaħdmu bħala team, kemm jekk se jkunu qed jaħdmu fid-distretti kif ukoll jekk se jkunu assenjati f’xi fergħa jew oħra tal-korp. Huwa qal li s-surġent huwa l-pont bejn l-uffiċjali ta’ fuqu u ta’ taħtu, filwaqt li spiss ikun l-ewwel li jitfaċċa fuq il-post f’każ ta’ bżonn tal-preżenza tal-pulizija. Għaldaqstant, is-surġent huwa l-bandiera tal-Korp, u dan iġib miegħu kemm unur kif ukoll responsabbiltà.
Ritratti: MHAS