Fl-aħħar erba’ snin, dawk fuq il-lista ta’ stennija biex jingħataw housing soċjali, naqsu bi 42%.
Dan hekk kif fl-2017, kien hemm 3,288 persuna fuq din il-lista ta’ stennija, u bħalissa 1,980 persuna, 1,300 persuna anqas.
Dan qalu l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’.
Hawn qal ukoll kif ir-rata ta’ 580 applikazzjoni ġdida fis-sena li biha kienet tiżdied il-lista fl-2017, naqset għal 238 applikazzjoni ġdida fl-2020.
Fakkar li saru intervisti ma’ dawk kollha li qed jistennew f’din il-lista ta’ stennija, sabiex dawk l-aktar fil-bżonn ikollhom saqaf fuq rashom.
Il-Ministru Galdes stqarr, “Waħda mir-raġunijiet, għalfejn in-nies kienu qed jibqgħu fuq il-lista tal-istennija, ma kienx ikollhom alternattiva. Aħna ħolqna sistema ta’ management by design fl-Awtorità tad-Djar, fejn mhux neċċessarjament persuna jkollu bżonn ikollu jogħqod jistenna appartament tal-Gvern, imma wkoll jingħata alternattivi oħrajn.”
Semma wkoll kif il-Gvern bħalissa qed jibni 1,700 dar, fl-akbar proġett ta’ housing soċjali f’pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay qal ukoll kif djar dipalitati tal-Gvern u tal-privat tranġaw u qed jibdew jgħixu n-nies fihom.
Ma’ ONE News semma xi miżuri li qed iwassal biex din il-lista tal-istennija qed tonqos.
Hu qal, “Fosthom jingħataw skemi biex huma jsiru sidien ta’ darhom, fosthom li d-dar li qed jgħixu fiha tkun aċċessibbli u bla periklu. Fosthom li jingħataw għajnuniet fis-suq fil-kera għax kellek persuni illi b’għażla riedu jibqgħu fis-suq tal-kera, imma għal xi raġunijiet ma kellhomx din il-possibiltà u għalhekk l-Awtorità llum qed tara li tindirizza l-waiting list b’modi differenti. Allura issa qed nistennew li nibdew nallokkaw postijiet ġodda li qed jinbnew, barra dawk li qed jiġu allokati anke mill-privat.”