Mill-2014 sal-aħħar ta’ Settembru 2018, il-Gvern daħħal aktar minn 380 miżura, inizjattiva jew proġetti ġodda li jindirizzaw mad-90 azzjoni rrakkomandati fil-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali għas-snin ta’ bejn l-2014 u l-2024.
Dan ifisser li l-Gvern diġà indirizza kważi 97 fil-mija tal-azzjonijiet irrakkomandati fil-Politika Strateġika.
Fil-fatt huma biss tliet azzjonijiet ta’ policy li għadhom ma ġewx indirizzati minn 94 rakkomandazzjoni.
F’dak li huwa l-qasam tad-Dħul u l-Benefiċċji Soċjali s’issa ddaħħlu kważi disgħin miżura ġdida li qegħdin jindirizzaw l-14-il azzjoni rrakkomadanti, waqt li f’dak li huwa l-qasam tal-Impjiegi ddaħħlu 30 miżura li jindirizzaw 11 mit-13-il azzjoni.
Fil-qasam tal-Edukazzjoni ddaħħlu 63 miżura ġdida u 49 miżura fil-qasam tas-Saħħa tal-Ambjent.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musu, spjega li issa għaddej monitoraġġ permezz ta’ kumitat interministerjali li jara x’miŻuri qed jiddahhlu biex tigi implimentata din l-istrategija u jevalwaw l-impatt li dan qed iħalli, biex tkun imfassla t-triq ’il quddiem.
Is-Sur Musu nnota kif issa dħalna fil-ħames sena ta’ din l-implimentazzjoni:
“U allura meta għadna qas wasalna f’nofs l-implimentazzjoni tal-istrateġija, ċertament huwa xi ħaġa pożittiva li 97% tal-azzjonijiet irrakkomandati fiha diġà saru miżuri biex jindirizzaw dawk il-policy recommendations”.
Sostna li l-Pjan Strateġiku qed iħalli l-frott għax qed iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-faqar.
Fil-fatt fl-aħħar erba’ snin in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu bi 17,000 waqt li dawk imċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi naqsu b’29,000.