Tul l-aħħar erba’ snin, il-Fondazzjoni Dar il-Hena, bl-għajnuna ta’ tliet xelters, tnejn minnhom ta’ emerġenza, eluf ta’ persuni mhux biss sabu platt sħun kuljum iżda anke saqaf fuq rashom.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ppreżentat rapport tal-Fondazzjoni għal dawn l-aħħar erba’ snin. Filfatt il-Fondazzjoni offriet ikel lil elfejn mija u ħdax-il persuni, li kienu spiċċa ħabta u sabta bla saqaf fuq rashom minħabba raġunijiet varji. Ewlenin fost dawn hemm vizzji, dħul baxx, mard mentali jew barranin li ġew Malta biex jaħdmu u spiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Bejn l-elfejn u sbatax sal-elfejn u għoxrin, il-fondazzjoni offriet elf mija u sitta u għoxrin sodda individwali. Tlieta u sebgħin fil-mija ikunu rġiel u għoxrin fil-mija u seba’ fil-mija ikunu nisa u t-tfal rispettivament.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Fondazzjoni Anthony Girard spjega li l-Fondazzjoni nnotat li fl-aħħar ħames snin kien hemm stejjer ta’ suċċess fost persuni li ġew bżonn l-għajnuna, u nnota l-effett li ħalliet il-pandemija fuq il-fondazzjoni.
Huwa stqarr: “Il-Pandemija ħalliet effett tremend fuqna, peress li n-nies ma setgħux jiġu jieklu hawn. Allura kellna nagħmlu l-ikel u nagħtuhom lilhom mit-tieqa. Apparti l-pandemija sabiħa ta’ dan il-proġett, li huwa 3 pit, fejn għandek il-privat, il-Gvern u l-Knisja jaħdmu flimkien għal għan li huma l-inqas iffavorit minna.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon spjega li l-Fondazzjoni Dar il-Hena qed tagħti wens lil bosta.
Huwa qal,“Is-soċjetà, kull wieħed u waħda minna, aħna parti minnha. Wieħed jinnota li hawn mhux biss NGOs iżda wkoll organizzazzjoni kummerċjali li tidħol fis-settur soċjali. Hemm spazzju għal kulħadd fis-settur soċjali u qed jawgura li dan is-sens ta’ għaqda jissaħħaħ fl-aħjar interess tal-poplu tagħna.”