Omm se tkun fdata mill-ġdid bil-kustodja u l-kura ta’ wliedha fuq ordni tal-Qorti, wara li din semgħet kif fost episodji oħra, is-sieħeb tal-mara mar jitma’ lil numru ta’ qtates waqt li hija kienet qed twelled.
Jidher ukoll li r-raġel lanqas biss żar lis-sieħba tiegħu, u meta l-għada pruvat tikkuntattjah ma weġibx għat-telefonati li ppruvat tagħmillu. Jidher ukoll li kollox beda kif intemmet ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Il-Qorti semgħet kif malli l-mara saret taf li hija tqila, il-koppja ppruvat tibda relazzjoni mill-ġdid, iżda dan ma tantx irnexxa. Il-mara spjegat kif meta stednitu biex iqatta’ għeluqa sninha jew il-Milied mal-familja tagħha, ma kienx imur dejjem, u meta kien imur ma kienx jieħu rigal lil binthom. Fl-istess ħin, kien hemm diversi okkażjonijiet fejn il-koppja ftehmet biex il-missier iżur lit-tifla, u dan qatt ma feġġ.
Jidher ukoll li meta binthom bdiet tmur l-iskola, l-eks sieħeb għamel aktar minn sena ma jaraha, u minkejja li l-omm fasslet dati u ħinijiet biex il-missier iżur lil binthom, dan mhux dejjem kien imur. Kien hemm anke tenattivi biex il-koppja tmur għand l-Aġenzija Appoġġ.
Fil-Qorti nstemgħu ukoll diversi okkażjonijiet oħra fejn il-missier ma kienx jaġixxi b’responsabbiltà, fosthom anke kif kien iġorr lil bintu. Isemma’ wkoll kif darba, ir-raġel ħalla lit-tifla fil-banju b’sikkina ħdejha, u apparat elettroniku mqabbad maġenbha. Xhieda fil-Qorti saħansitra qalet li darba, missier it-tifa qal b’referenza għat-tarbija li “anke fenek huwa aktar ħelu minnha”.
L-omm talbet lill-Qorti biex tingħata l-kustodja esklussiva ta’ bintha, u l-missier ma’ oġġezzjonax għal dan, iżda talab li jkollu aċċess għat-tifla mingħajr il-monitoraġġ tal-omm. L-Imħallef Anthony Vella qal li fl-aħjar interess tat-tarbija, il-missier iżur lit-tifla għal tliet sigħat fil-ġimgħa, biż-żjara tkun imħarsa mill-Aġenzija Appoġġ. Dan filwaqt li jħalles €200 f’manteniment kull xahar.