Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech, reġgħet qalet li l-kontijiet roħsu grazzi għall-Partit Nazzjonalista.
Iżda imbagħad żiedet li li kieku l-Partit Nazzjonalista wiegħed li se jraħħas il-kontijiet qabel l-Elezzjoni Ġenerali kien ikun qed jagħmel wiegħda fierħa.
Dan id-diskors Ann Fenech qalitu f’intervista fuq The Malta Independent fejn baqgħet titkellem kontra l-impjant tal-gass li issa ngħata l-permessi kollha meħtieġa biex jaħdem.
“Il-prezzijiet tad-dawl roħsu u roħsu minħabba l-interconnector u l-interconnector l-idea ta’ min kienet, mhux tal-Partit Nazzjonalista. Hemm dak l-angolu li l-power station għandna bżonnha jew le, u l-indikazzjoni hi le,” qalet Ann Fenech.
Anke Pierre Portelli ma setax ma jistaqsix kif ladarba l-kontijiet roħsu bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, għaliex ma kienux imwiegħda qabel l-elezzjoni ġenerali.
Fenech irrispondiet billi qalet li “kien ikun żball li kieku l-Partit Nazzjonalista kien jagħmel wiegħda fierħa li ma jkunx jaf jekk jistax iżomm.”
Minn hemm Portelli rrimarka li “qed tieħdu l-grazzi, li grazzi tagħkom traħħsu l-kontijiet,” b’Fenech tirrispondieh li “Meta kien hemm il-PN fil-Gvern dan kien pjan… iżda kien għadu ‘question mark’,”
Minn hawn ‘il quddiem Ann Fenech sabitha diffiċli tiddefendi l-idea li l-Partit Nazzjonalista seta’ jew ried iraħħas il-kontijiet.
Portelli qalilha kif dak iż-żmien ma kienu jgħidu qatt li se jraħħsu l-kontijiet, meta n-nies hekk riedu, iżda li meta raħħashom il-Partit Laburista l-PN qal li dan sar grazzi għalihom. Iżda Fenech ma qablitx hekk kif qalet li dan kien għax il-perjodi kienu differenti.
Għal iktar mistoqsijiet, Ann Fenech kellha tammetti li l-Partit Nazzjonalista lanqas biss kien jaf jekk u meta kien se jsir l-interconnector. L-istess interconnector li skont hi sar mill-Partit Nazzjonalista biex jorħsu l-kontijiet.