In-negozjant Yorgen Fenech qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu fl-allegat pjan ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xehed dan l-ispettur Kurt Zahra hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
L-Ispettur Kurt Zahra qal li fl-interrogazzjoni li saritlu Fenech qal li l-pjan tal-qtil ma bediex minnu, imma allega li kien Keith Schembri li qabbdu jsib lil xi ħadd biex iwettaq dan il-qtil.
Allega ukoll li Keith Schembri ħallas ħamsa u tmenin elf ewro lill-middleman Melvin Theuma sabiex tinqatel Caruana Galizia.
Fenech qal lill-pulizija li Keith Schembri kważi kuljum kien imur għandu biex isibu mod kif se jeħilsu minn Caruana Galizia iżda qatt ma sab lil xi ħadd biex joqtolha.
Allega ukoll li dwar il-pjan ma ‘Melvin Theuma, Keith Schembri allegatament qallu “mexxi mexxi mexxi.”
L-ispettur Kurt Zahra qal li Yorgen Fenech allega li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, it-tabib Adrian Vella u l-ħabib tiegħu Johann Cremona kienu jafu bl-involviment ta’ Fenech fil-qtil.
Fenech allega ukoll li Joseph Muscat kellmu darbtejn darba Kastillja u darba waqt riċeviment fil-Palazz tal-Girgenti u saqih jekk jafdax lil Melvin Theuma.
B’rabta ma’ dan Dr. Joseph Muscat stqarr li hu qatt ma kien mgħarraf bil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia qabel ma seħħ u wisq inqas iddiskutih ma’ persuni oħra b’mod speċjali mal-allegat mandant fil-qtil.
Hu sostna li kien Yorgen Fenech stess li qal li tkun ġennata li kieku jgħid lil Muscat bil-pjan, f’recordings li nstemgħu waqt il-kumpilazzjoni fil-Qorti.
Dr. Muscat spjega li l-pulizija stess għandha fil-pussess tagħha konversazzjoni li tikkontradixxi l-istqarrija ta’ Fenech u qal li f’dik il-ġurnata li suppost tkellmu dwar il-każ, l-allegat mandant stess bagħtlu messaġġ fejn skuża ruħu li ma kellmux għaliex kellu n-nies madwaru.
L-eks Prim Ministru kompla jgħid li hemm informazzjoni fid-dominju pubbliku li turi li ma saret l-ebda laqgħa bejnu u Fenech kif kien allegat u għaldaqstant Dr. Muscat sostna li hija impossibbli li ta informazzjoni dwar raids li kellhom isiru f’din l-imsemmija laqgħa.
Dr Muscat qal li waqt is-seduta tal-Qorti ġie kkonfermat li din l-istqarrija ngħatat wara li ġiet irrifjutata t-talba għall-maħfra ta’ Fenech u wara li ġie mhedded li kemm il-darba jonqos li jagħti l-proklama, ser jiġi mċappas.
Intant, l-ispettur Keith Arnaud qal li huwa irraporta għand il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta maġisterjali li messaġġi ta’ bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u Yorgen Fenech ġew illikjati għand il-midja.
L-ispettur Arnaud qal li l-messaġġi illikjati kienu kelma b’kelma ta’ dak li hemm fil-messaġġi u mhux fabrikati kif qal Adrian Delia.