Fil-Qorti llum waranofsinhar bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra n-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda bdiet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Yorgen Fenech ta’ 38 sena tressaq il-Qorti s-Sibt 30 ta’ Novembru li għadda wara li ġie arrestat għall-ewwel darba fuq il-jott tiegħu ’l barra mill-marina ta’ Portomaso.
Fis-seduta ta’ dalgħodu, il-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud, xehed fost oħrajn dwar bosta konversazzjonijiet telefoniċi bejn Yorgen Fenech u l-middleman Melvin Theuma. F’dawn il-konversazzjonijiet joħroġ li Fenech qal lil Theuma li Keith Schembri kesaħ meta mar qallu x’għamel.
F’recording oħra bejn l-akkużat u Melvin Theuma, Keith Schembri qal lil Fenech li ma seta’ jgħamillu xejn.
L-Ispettur Arnuad żied jgħid li f’recording ieħor Theuma qal lil Yorgen Fenech biex ikellem lil maġistrat. Min-naħa tiegħu, Fenech qallu li ma jafx lill-maġistrat u anke li kieku kien jafu ma kien se jkellmu.
Hawnhekk Theuma ħeġġeġ lil Fenech biex ikellem lill-Prim Ministru, iżda Fenech mill-ewwel irrifjuta li jagħmel dan u qallu li kien ikun miġnun li kieku jagħmel hekk.
“L-ikbar ġennata li qatt nista’ nagħmel… daħħalx nies fil-kredu għax il-kobba tiġi ikbar”, qal Fenech lil Theuma.
L-Ispettur Arnaud qal li Melvin Theuma qal lill-pulizija li kien Yorgen Fenech biss li qallu biex jirranġa sabiex joqtolha u kien hu biss li tah il-flus biex tinqatel Caruana Galizia.
http://www.one.com.mt/2019/12/11/aggornat-tibda-l-kumpilazzjoni-tax-xhieda-ta-yorgen-fenech/