Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għażel lill-eks Ministru, Tonio Fenech, biex ikun il-konsulent ewlieni tiegħu dwar il-qasam ekonomiku u fit-tħejjija għar-reazzjonijiet tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista għall-baġit li jmiss. Fl-aħħar jiem Tonio Fenech deher dieħel u ħiereġ id-Dar Ċentrali bosta drabi u l-imkejjen tagħna fil-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li s-sehem tal-eks Ministru Fenech hu marbut mill-bidu sal-aħħar ma’ dak li Delia jrid jgħid u jagħmel b’reazzjoni għall-baġit li se jitressaq għada mill-Ministru għall-Finanzi.
Jirriżulta li minkejja l-impressjoni li l-Kap il-ġdid ipprova jagħti fil-kampanja elettorali ftit huma n-nies esperti f ’setturi differenti mdawrin miegħu u ftit qabel il-baġit kellu jdur fuq il-bniedem li hu assoċjat mal-era ta’ GonziPN u ż-żmien fejn il-finanzi tal-pajjiż kienu f ’sitwazzjoni ferm differenti mil-lum. Fil-fatt l-eks Ministru Tonio Fenech kien il-persuna responsabbli politikament f ’mumenti fejn pajjiżna kien imċanfar għal iktar minn darba minn istituzzjonijiet internazzjonali. Fost oħrajn meta aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bidlu l-ħarsa fuq pajjiżna għal waħda iktar negattiva u saħansitra l-Kummissjoni Ewropea poġġietna fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Meta ttieħdu passi kontra Fenech
Iżda, li spikka wkoll hu li Adrian Delia ħa din iddeċiżjoni f ’perjodu fejn Tonio Fenech spiċċa kkundannat mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltija, l-MFSA, minħabba l-iskandlu tal-Falcon Funds. Skandlu li saħansitra heżżez l-Iżvezja minħabba li eluf ta’ pensjonanti f ’dan il-pajjiż spiċċaw vittmi ta’ fond li Tonio Fenech kien direttur tiegħu. Il-pensjonanti spiċċaw tilfu flushom u dwar il-fond saħansitra nfetħet investigazzjoni kriminali mill-pulizija Żvediża. Fin-nofs hemm iktar minn €247 miljun.
Il-fond kien spiċċa tpoġġa taħt il-kontroll tal-KPMG, kumpanija tal-awdituri, biex iktar kmieni din il-ġimgħa l-MFSA wissiet lil Tonio Fenech u żewġ diretturi oħra, Ian Zammit u Joseph Xuereb. L-MFSA qalet li mill-mod kif ħadmu d-diretturi tal-fond, il-bord tad-diretturi naqas mir-responsabbiltajiet tiegħu lejn l-iskema u l-investituri tiegħu. F’pass mill-iktar serju l-MFSA qed tipprojbixxi lid-diretturi milli jaċċettaw ħatriet ġodda li għandhom bżonn l-approvazzjoni tal-MFSA u dan għal perjodu ta’ sentejn.
Dan il-perjodu daħal fis-seħħ mill-mument li l-MFSA ikkomunikat l-aħbar tagħhom, bl-awtorità regolatorja titlob ukoll li Fenech u d-diretturi l-oħra jinfurmaw lill-kumpaniji kollha fejn iservu ta’ diretturi b’din l-azzjoni. Iridu jinfurmaw ukoll lill-azzjonisti tal-kumpaniji. L-MFSA żiedet tgħid li kienet tistenna li d-diretturi jużaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom biex ikun hemm azzjoni bliktar mod responsabbli u due diligence fl-interess taliskema. Minflok, qalet l-MFSA, l-iskema kisret ir-regoli u tat fid-dettall ir-raġunijiet għal dan.
Però anke jekk kien jaf li Fenech kien involut f ’dan l-iskandlu wkoll, Adrian Delia ma kellu ebda problemi li jibda jserraħ fuqu bħala konsulent ewlieni fejn jidħlu l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
Kattoliku Latin mimli skandli
Fix-xhur tas-sajf Tonio Fenech kiteb ħafna dwar il-Partit Nazzjonalista. Deher ċar li kien xi ftit urtat u waħda mit-temi ewlenin tiegħu dejjem kienet il-valuri Nsara li skont hu għandhom ikunu l-valuri li jiddettaw it-tmexxija politika tal-pajjiż.
Għalhekk l-għajta ta’ Delia favur l-idea li l-Partit Nazzjonalista għandu jirrappreżenta lill-Kattoliċi Latini niżlitlu għasel. Fenech, li jibqa’ magħruf għall-ġlieda kbira kontra d-dritt tad-divorzju, kien involut ukoll f ’sensiela ta’ deċiżjonijiet skandalużi meta kien Ministru, iżda donnhom dawn ma jdejqux lil Adrian Delia li wiegħed mod ġdid ta’ politika.