L-eks Ministru Tonio Fenech ħareġ jiddefendi lilu nnifsu fil-każ Falcon Funds u kkonferma l-investigazzjoni. Qal li “kull min hu involut f’dan il-fond lest li jikkopera ma’ kull min qed jagħmel investigazzjoni.”
Biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu Fenech qal li l-ħlas minn Falcon Fund SICAV lill-Aġenzija Żvediża tal-Pensjonijiet qed isir skont il-pjan. Xi ħaġa li ma tirriżultax minn dak li qalet l-Aġenzija Ewropea għall-pensjonijiet li talbet l-investigazzjoni.
“Fil-fatt, filwaqt li din il-ġimgħa diġà tħallset is-somma ta’ €80 miljun, sa tmiem il-ġimgħa d-dieħla se jkunu tħallsu €80 miljun oħra, u se jibqa’ jagħmel dan sakemm jinbiegħu l-assi kollha. Dan ifisser li l-Fond in kwistjoni għandu l-abbilità li jonora l-obbligi tiegħu lejn l-investituri,” qal Tonio Fenech.
Fenech żied li l-Fond għandu kawża pendenti fil-Qorti Ċivili ta’ Stokkolma li l-ewwel seduta tagħha se ssir f’Diċembru li ġej. Il-Fond fetaħ ukoll kawża quddiem l-Ombudsman Parlamentari ta’ Stokkolma, liema kawża wkoll tinsab pendenti.