Dr Andreina Fenech Farrugia li fl-aħħar jiem ġiet sospiża mill-impjieg tagħha ta’ direttur għas-sajd ċaħdet kategorikament xi nuqqasijiet min-naħa tagħha.
Fi stqarrija, hija ddikjarat li dejjem imxiet b’mod professjonali, etiku u ġust u skont il-liġi fit-twettiq tad-doveri tagħha u mxiet b’sens ta’ imparzjalità u ġustizzja mal-operaturi kollha u l-individwi involuti fis-settur.
Dr Fenech Farrugia qalet li l-allegazzjonijiet huma biss ibbażati fuq sommarji ta’ allegati konverżazzjonijiet telefoniċi, li min-naħa tagħha ma kkonfermatx li għamlet, u anke li mhumiex traskrizzjonijiet kelma b’kelma tal-allegati telefonati, iżda skont hi verżjonijiet imqassra li setgħu ġew miżinterpretati, meħuda barra mill-kuntest jew interpretati b’mod żbaljati oħra.
Sostniet kif il-lingwa użata fis-sommarji infushom hi waħda fqira ħafna, qalet kif dan il-fattur seta’ kompla kkontribwixxa għal misinterpretazzjoni jew interpetazzjoni żbaljata tal-istess telefonati.
Fid-dritt tar-risposta mibgħuta lill-istampa, Dr. Fenech Farrugia qalet li għandu jiġi spjegat li fit-23 sena li ilha fis-settur u li matulhom akkumulat esperjenza estensiva u vasta oltre l-kwalifiki universitarji li diġà kellha fil-bidu tal-ħidma tagħha.
Hija qalet ukoll li hi ġiet maħtura Direttur Ġenerali tas-Sajd u l-Akwakultura, fil-2013, wara sejħa pubblika għal din il-pożizzjoni u peress li ġiet fl-ewwel post. Qalet ukoll li l-proċess tal-għażla għal sejħa pubblika reġa’ kien ripetut fis-fl-2016 u dan wara li okkupat il-kariga ta’ Direttur tas-Sajd sas-sena 2011, u diversi karigi oħra fis-settur sa mis-sena 1996 fosthom uffiċjal xjentifiku u prinċipal xjentifiku fl-istess Dipartiment.
Dr Fenech Farrugia qalet li għandu jiġi spjegat li fil-kors normali tal-ħidma tagħha ta’ kuljum, hija kkomunikat ta’ kuljum b’mod kontinwu għal diversi drabi kuljum ma’ l-operaturi kollha fis-settur u kienet aċċessibbli għal kulħadd bl-istess mod, kif kien jirrekjedi d-dover tagħha għall-operaturi kollha fis-settur u dan kuntrarjament għal l-impressjoni li qed tingħata li hi kienet tikkomunika biss ma’ xi operatur wieħed.
Hija ċaħdet b’mod kategoriku li qatt ma talbet jew irċeviet xi flus għalija personali u daqstant ieħor li jekk persuni kienu se jibbenfikaw minn xi żieda leġittima fil-kwota tat-tonn, huwa ovvju li dawn kienu se jintalbu, kif filfatt intalbu jagħmlu ħlasijiet lid-Dipartiment li hi kienet tippreżenta, skond il-liġi. Il-ħlasijiet uffiċjali, skond il-liġi, kienu jsiru lilha bħala Direttur, u huwa daqstant ovvju li jekk operatur kienet se tiżdiedlu l-kwota kien se jkollu jagħmel il-pagamenti neċessarji lila bħala Direttur, u skond iż-żieda u l-liġi.
Qalet kif hi ħaġa kurjuża u stramba li minn investigazzjoni estensiva li tinkludi għexieren ta’ operaturi, individwi, kumpanijie u entitajiet, inkluż dawk lokali, hi ġiet ‘singled out’ u allura tispera li din ma hiex xi mossa intenzjonata sabiex tiġi mwaqqfa milli tkompli l-ħidma tagħha fl-aħjar interess tas-serjeta’ u tal-osservanza tal-liġi fis-settur, kif ukoll fil-proċess ta’ titjieb li kien qed issir minnha fis-settur, u li f’dan il-kuntesti hija ppreċizat li kontra l-operatur inkwistjoni, f’diversi okkazzjonijiet u fuq medda ta’ snin, kienet hi stess li ordnat u talbet li jittieħdu diversi passi, kif wara kollox ħadet kontra operaturi oħrajn, fejn kien ikun il-każ.
Fl-istqarrija tagħha Dr. Andreina Fenech Farrugia, kompliet tgħid li b’rigward it-talba għaż-żieda fil-kwota, sar kollox above board u skond il-liġi, bl-awtorizazzjoni tal-organi kompetenti u versu l-ħlasijiet ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro, li ġew stabbiliti lilha bħala Direttur, skond il-liġi u d-deċiżjonijiet Ministerjali.
B’risposta għad-domandi mqajjma fil-mezzi tax-xandir, hi spjegat li qatt ma sabet l-ebda diffikulta’ li tikkopera mall-awtoritajiet, u tgħaddi l-informazzjoni kollha mitluba, u li dan għamlitu għal diversi xhur inkluż fl-Inkjesti Maġisterjali pendenti.
Iddikjarat ukoll li ma għandiex l-iċken diffikulta tkompli tikkopera, kif, jekk u meta mitluba, tiċħad bil-qawwa kollha kull allegazzjoni li saret fil-konfront tagħha u għandha kull interess li toħroġ il-verita’ kollha sabiex jiġu ċċarati l-impressjonijiet żbaljati, misinterpretazzzjonijiet u allegazzjonijiet ta’ l-aħħar ġranet.
Finalment, Dr. Adreina Fenech Farrugia, ddikjarat pubblikament li qed tirriżerva li tieħu l-passi kollha oppportunti skond il-liġi, fil-mument opportun.