Jekk fl-aħħar ġimgħat kien hemm diżappunt għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fil-Partit Nazzjonalista kienet l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Id-diżappunt ma kienx għax il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-Kunsill Lokali b’mod bla preċedent. Iżda għax ilfamilja Fenech Adami qalgħet daqqa ta’ ħarta meta Michael Fenech Adami ma kienx l-iktar kandidat li ġab voti għall-Partit Nazzjonalista. F’nofs id-diżgwid li hemm fil-Partit Nazzjonalista l-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia mhix toqgħod lura milli tfakkarhom f’dan biex tipprova tnaqqas xi ftit l-arja tal-Eks Viċi Kap Beppe Fenech Adami.
Iben Eks Kap tal-Partit u ħu Deputat li serva bħala Viċi Kap, Michael Fenech Adami kien ilu jġib l-ikbar ammont ta’ voti fil-PN, tant li għamel wkoll xi żmien bħala Sindku.
Iżda, ta’ Delia xejn ma riduh imur tajjeb u almenu hawn ġabuha żewġ. Dan għax Michael Fenech Adami huwa punt ta’ referenza għall-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tant li huwa impjegat ta’ David Casa u saħansitra jitqabbad jgħin fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet mill-grupp Occupy Justice.
Għalhekk kienu qed jagħmlu minn kollox biex imur tajjeb u hekk ikomplu jurtaw lil Adrian Delia. Iżda, ma ġarax hekk. L-iktar kandidat għall-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara li ġab voti kien Justin Schembri li għadda lil Michael Fenech Adami b’iktar minn 1,000 vot.
Dan kien diżappunt kbir għall-familja Fenech Adami, partikolarment għad-Deputat Beppe li minn wara l-kwinti għaddej jiġbed l-ispag biex jimmina l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia u jsaħħaħ postu fil-Partit Nazzjonalista għallkull eventwalità li tista’ tinqala.