Il-Partit Laburista saħaq li Beppe Fenech Adami hu l-aħħar wieħed li jista’ jitkellem dwar il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
Dan għaliex meta hu kien fil-Gvern u Assistent Parlamentari fil-Ministeru għall-Intern, Gvern Nazzjonalista ħalla ħabs li kien ġungla fejn jirrenja l-iktar priġunier b’saħħtu, il-ħaddiema kienu jkunu intimidati u t-teħid u l-bejgħ tad-droga kien ir-regola tal-ġurnata.
Saħansitra dan kien immarkat f’sentenzi tal-Qrati li ngħataw fi żmien il-Gvern ta’ Fenech Adami.
Il-Partit Laburista rrimarka li hu fatt magħruf li fl-aħħar snin saru bidliet kbar fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, fost oħrajn b’investimenti fi professjonisti full-time li kienu ngaġġati għall-ewwel darba.
Qal li l-bidliet mhux se jieqfu tant li fl-aħħar xhur saret ukoll konsultazzjoni dwar l-electronic tagging.
Il-Partit Laburista fakkar li f’din il-konsultazzjoni l-Partit Nazzjonalista ma pparteċipax għax il-Partit Nazzjonalista juri b’mod konsistenti li mhux kapaċi jkun parti minn proċessi li maħsuba biex itejbu l-affarijiet.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Gvern jagħmel sew li filwaqt li jibni fuq it-tajjeb, jara x’jista’ jsir aħjar u kien għalhekk pass pożittiv li nħatret inkjesta biex tevalwa s-sitwazzjoni preżenti fil-ħabs u tagħmel rakomandazzjonijiet għal ġejjieni.