Ftit minuti biss qabel bdiet l-attività tal-Partit Nazzjonalista, propju għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, Michael Fenech Adami, responsabbli mil-loġistika u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista u tal-għaqda Repubblika deher jaqla’ banner ta’ Adrian Delia li kien imwaħħal ma’ arblu quddiem il-Borża ta’ Malta u biswit il-monument ta’ George Borg Olivier.
Ritratt li kiseb ONE News juri propju lil Fenech Adami bil-banner ta’ Delia f’idu wara li tneħħa.
Fenech Adami huwa eks Sindku Nazzjonalista ta’ Birkirkara, lokalità fid-distrett ta’ Delia, ikkontestat ukoll minn ħuh Beppe Fenech Adami.
Ta’ Fenech Adami huma magħrufin li ma jarawx għajn m’għajn mal-fazzjoni Delia fil-Partit Nazzjonalista hekk kif kienu fost l-ewlenija li qaċċtu lil Delia minn Kap.
Fil-fatt meta kienu wkoll twaħħlu l-istess banners ta’ Delia fi Gwardamangia f’attività Nazzjonalista quddiem San Luqa, Beppe Fenech Adami u n-nies tiegħu kienu għamlu pressjoni u għaddiet tagħhom biex Delia ma jitkellimx f’dik l-attività.
Ta’ Delia dik ma nesewhiex u lanqas insew li Delia ma ġiex appoġġjat fil-kawża li fetaħ biex imbagħad tqaċċat minn Kap.
Kien għalhekk li dalgħodu twaħħlu banners b’botti lejn il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech impoġġi mill-establishment.
Dan biex ifakkru lil Grech li qed jirkeb il-karru tal-eks Kap Nazzjonalista.
Iżda għall-establishment kien importanti biss li jerġa’ jiġri bħal ma ġara fi Gwardamangia, tgħaddi tiegħu.
Kien għalhekk li Fenech Adami neħħa l-banner tal-fazzjoni Delia.
AQRA AKTAR: