L-eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ħareġ jikkontradixxi lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar il-proġett Safe City.
Il-proġett li tħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla se juża l-aħħar teknoloġija bl-iskop li titnaqqas il-kriminalità f’postijiet b’rati għolja ta’ reati bħal Paceville u l-Marsa.
Iżda b’kuntrast ma’ dak li ddikjara Adrian Delia li laqa’ dan il-proġett, fil-Parlament id-deputat Nazzjonalsita Beppe Fenech qal li dan mhu xejn għajr eżercizzju ta’ spjunar fuq in-nies.
“Aħna Sinjura President bħala Oppożizzjoni, għadna riservi kbar dwar din l-idea Orwelljana, dwar din l-idea li Big Brother is watching… Biex taqbdu l-kriminali sur Ministru, iddeċidejtu li tridu tispjunaw fuq kulħadd.” kompla jgħid Fenech Adami. Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern sostna li dan il-proġett huwa intiż biss biex il-gvern inemmes fuq iċ-ċittadini.
“Flok pulizija preżenti fit-toroq il-ħin kollhu jidhru u tarahom, ser iwaħħal il-camera biex jarawk mingħajr ma tarahom.” qal dan Fenech Adami.
F’dagħdiegħa ta’ negattività Fenech Adami fetaħ attakk fuq il-forzi tal-ordni li skontu qed iħallu pajjiżna jimtela bid-droga.
Beppe Fenech Adami qal li “Pajjiżna Sur President, huwa mifqugħ bid-droga. Pajjiżna sar donnu l-maħżen tad-droga.”
Dan meta l-forzi tal-ordni f’pajjiżna wettqu fost l-ikbar qabdiet tad-droga fl-istorja ta’ pajjiżna fejn qal li “l-pajjiż sar passatur, id-droga dieħla minn kullimkien.”
Anke l-ftehim settorjali mal-Pulizija safa fil-kritika ta’ Fenech Adami meta kien dan il-Gvern li ta d-dritt lill-forzi tal-ordni jissieħbu f’unjin u neħħa l-anomalija tas-46 siegħa xogħol fil-ġimgħa għall-Pulizija.
Fenech Adami qal “Wara erba’ snin sħaħ ta’ tkaxkir tas-saqajn min-naħa tal-gvern.”
Fenech Adami qal dan minkejja li l-ftehim settorjali kien imwiegħed fil-programm elettorali, u jinkludi l-ewwel titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol f’għexieren ta’ snin.