It-taqbida tal-establishment biex jieħu l-kontroll lura tal-Partit Nazzjonalista ma ntemmitx bl-elezzjoni ta’ Bernard Grech, hekk kif is-sitwazzjoni issa ħraxet.
Il-gazzetta Kullħadd irrapurtat kif sorsi mid-dar ċentrali qalu li bdew bdew il-manuvri mill-istess fazzjoni biex tagħżel hi u timponi fuq it-tmexxija, min għandhom ikunu l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u fuq liema distretti għandhom jikkontestaw.
Il-gazzetta wriet kif fl-ewwel jiem ta’ ħidma tiegħu bħala Kap, Grech jinsab taħt pressjoni qawwija biex iqaċċat lil kull min kien qrib il-predeċessur tiegħu Adrian Delia.
Ġie żvelat ukoll li l-qofol tal-pjan kontra Delia hu li ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq Birkirkara. Jirriżulta li, fil-jiem li għaddew, Grech induna bil-manuvri li għaddejjin min-naħa tad-Deputat Beppe Fenech Adami, li akkost ta’ kollox ma jridx lil Delia jikkontesta fuq dan id-distrett.
Fenech Adami qed jibża’ li Delia kapaċi jikseb ferm aktar voti minnu fuq id-distrett, u jekk kemm-il darba dan iseħħ, ifisser daqqa umiljanti għad-dinastija ta’ Fenech Adami fil-Partit.
Kriżi oħra li qed jaffaċċja Grech hi l-“gwerra” li qed tiżviluppa fl-Għaxar Distrett, fejn qed isiru manuvri biex jitkeċċa bil-pulit Robert Arrigo, li dejjem żamm man-naħa ta’ Delia.
L-informazzjoni f’idejn il-KullĦadd tindika li dawn il-manuvri huma influwenzati minn Jason Azzopardi.
Ma’ dan, Bernard Grech irid joħloq pont ġdid ma’ Therese Comodini Cachia, li nqatgħet kompletament mill-grupp li f’Ġunju li għadda webbilha tieħu post Adrian Delia.
Comodini Cachia ħassitha traduta minn sħabha stess, li biddlu l-pjan fl-aħħar ħin fuq parir ta’ Simon Busuttil u minflokha nnominaw lil Bernard Grech.