Id-deputat kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Korp tal-Pulizija b’dik li sejjaħ “inertia totali” u qal li l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għadu ma jistax jinfatam mil-lealtà tiegħu lejn il-Partit Laburista.
Fenech Adami ħa l-okkażjoni tad-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta biex qal li l-pulizija mhix tinvesiga dwar Panama Papers. Huwa qal li permezz tal-Panama Papers, Malta żżeffnet fin-nofs u waqt li f’ħafna pajjiżi l-awtorijiet investigaw, f’Malta il-puliżija ħasset li m’għandhiex tinvestiga u sejjaħ dan bħala att skandaluż.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela rrefera għal dak li qal Fenech Adami u appella biex l-Oppożizzjoni ma tkomplix tattakka l-istituzzjonijiet u jkun tajjeb li tħalli lill-Korp tal-Pulizija jkompli jagħmel ix-xogħol tiegħu. Il-pulizija stess fl-istqarrija tagħhom qalu li m’għandhom ebda pressjoni politika biex ma jieħdux l-azzjonijiet li għandhom jieħdu.
Il-ministru qal li fejn għandhom x’jaqsmu l-Panama Papers, mhux il-kompitu tiegħu li jordna lill-pulizija fejn, meta u xhix jinvestigaw.
“Alla ħares naslu hekk. Jien naf li meta l-PN kien fil-gvern kien hemm min kien jgħid lill-Kummissarju tal-Pulizija x’għandu jinvestiga u jekk ma jgħid xejn m’għandux jinvestiga!”
Il-ministru qal li Fenech Adami hu żbaljat li jgħid li l-pulizija mhu qed jagħmlu xejn fuq il-Panama Papers. “Kieku qara dak kollu li l-pulizija bagħtu lil The Malta Independent jinduna li l-pulziija qed isegwu l-każ iżda hemm affarijiet li ma jistgħux jgħidu x’qed jagħmlu. Huma jinsabu anke f’kuntatt ma’ istituzzjonijiet u entitajiet differenti kemm f’malta kif ukoll barra minn Malta beix jibqgħu jagħmlu moniteraraġġ tas-sitwazzjoni. Sal-lum ma jirriżultax li hemm raġunijiet biżżejjed biex jiftħu xi investigazzjoni kontra xi ħadd.
Itant, l-ministru Abela qal li l-aġent kummissarju għamel tibdiliet li ntlaqgħu tajjeb mill-membri tal-Korp; uħud minn dawn it-tibdiliet kien ilhom jistennewhom snin kbar. Qal li mis-suċċessi li qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija, speċjalment fejn jidħlu l-azzjonijiet li qed jieħdu fi tmiem il-ġimgħa u l-qbid tad-droga, ċertament li l-Aġent Kummissarju u l-Korp inħoss li mexjin b’mod li qed jaħdmu biex jassiguraw is-sigurtà fil-pajjiż.