Il-Federazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż f’Malta, FELTOM, laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar imħabbra mill-Ministru tat-Turiżmu b’rabta mal-għajnuna għas-settur tat-tagħlim ta’ l-Ingliż.
Dan wara li tħabbar kif studenti li mill-ewwel ta’ Ġunju se jiġu minn tal-inqas ħmistax-il jum f’pajjiżna sabiex jistudjaw l-Ingliż se jkunu qed jingħataw €10 kuljum sa massimu ta’ €300 għal 30 jum jew aktar.
Fi stqarrija ntqal kif wara diversi laqgħat mal-Ministeru tat-Turiżmu u mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, il-Federazzjoni qed tħares lejn din l-inizjattiva bħala prova tanġibbli ta’ għajnuna li se tgħin lil dan is-settur li għaddej minn ħafna diffikultà.
FELTOM spjegat kif tinsab sodisfatta li t-talba tagħha għall-għajnuna instemgħet u tittama li se jibqa’ jkollha iżjed opportunitajiet sabiex taħdem mill-qrib mal-Gvern u mal-Awtorità tat-Turiżmu sabiex tkompli tippromwovi din l-industrija u tara li l-operat jirritorna għan-normal.