Felix Busuttil ġie ppremjat ġieħ ‘Eccellenza Della Danza’ fit-Teatru Metropolitan fl-Italja: premju li jingħata kull sena fi tmiem Novembru lill-esponenti u artisti li taw ħajjithom għall-arti, il-kultura u ż-żfin.
Fost l-ippremjati din is-sena kien hemm preżenti l-istilla tat-televiżjoni tal-varjetà Oriella Dorella, ballerin prim tas-San Carlo ta’ Napli Luigi Ferrone, Mario Piazza mill-Akkademja tat-Teatru tal-Opra ta’ Ruma, mill-Bolshoi Vladimir Derevanko u Anna Maria Prina.
Meta mistoqsi fuq l-importanza taż-żfin f’ħajtu, Felix wieġeb li ż-żfin ma jgħallimniex niżfnu imma ngħixu. ”Li l-ħolm huwa kbir kemm nagħmluh aħna u li mingħajr arti, il-ħajja tmut”.
L-avveniment jiġi organizzat minn Macario Events u għalih attendew ’il fuq minn 2,000 ruħ. Ġew rikonoxxuti wkoll kritiċi u ġurnalisti bħal Massimiliano Craus tal-Corriere della Sera.
‘’Dan il-premju huwa responsabbiltà li nieħu bis-serjetà, u ser inkompli nistinka biex inkompli nħaddan dawn il-valuri tal-arti u l-kultura, bit-tama li nkun ta’ ispirazzjoni għal dawk li għandhom għal qalbhom l-istess ħolm’’.