Fekruna l-ġmiel tagħha fi pjazza San Ġorġ il-Belt.
Fekruna kollha fjuri.
Din hija x-xena li n-nies raw mal-ewwel raġġi tax-xemx li feġġew fil-kapitali hekk kif il-Ġimgħa bdiet it-tmien edizzjoni tal-Valletta Green Festival.
Din is-sena hija l-akbar edizzjoni ta’ dan l-avveniment, li ra l-installazzjoni ta’ ġnien quddiem il-Parlament, mitt siġra fi Triq ir-Repubblika flimkien ma diversi fjuri fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Ministru għall-Kultura, Josè Herrera stqarr kif għalkemm il-pjazzez u l-ibliet tagħna huma uniċi fid-dinja, dawn ma kinux dejjem jiffukaw fuq sbuħija ambjentali.
Huwa stqarr: “Wasal iż-żmien li l-ibliet u l-irħula tagħna nibdew nagħtuhom spinta iktar favur l-ambjent. Tradizzjonalment il-pjazzez u l-ibliet tagħna dejjem kellhom karatteristiċi sbieħ, kellhom patrimonju qawwi, però qatt ma kien hemm enfasi fuq l-aspett ta’ ħdura fl-ibliet. Naturalment wasal iż-żmien li nenfasizzaw l-aspett ambjentali fl-ibliet tagħna.”
Dr Herrera spjega kif tul dawn l-aħħar snin kiber l-investiment fil-Belt, b’eżempju riċenti jkun dak tal-ġnien fuq il-bejt tal-Valletta Design Cluster.
Il-Ministru qal li dan l-investiment intlaqa’ b’mod tajjeb ħafna, tant li l-Ministeru qiegħed jara sabiex binijiet kulturali oħra jimxu fuq dan l-eżempju.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt, Jason Micallef spjega kif għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-festival, diversi aspetti ta’ dan l-avveniment se jibqgħu fil-Belt Valletta b’mod permanenti.
Is-Sur Micallef qal, “Din is-sena ddeċidejna li 25% ta’ dan il-proġett, ta’ dan il-festival se jibqa’ bħala parti mill-impenn tagħna għal aktar tħaddir urban fil-Belt Valletta. U allura dak li tant intlaqa’ sabiħ f’dak il-ġnien temporanju, issa sa jsir permanenti quddiem il-Parlament, u anke l-mitt siġra li għamilna tul Triq ir-Repubblika se jibqgħu wkoll bħala impenn tagħna wara dan il-festival.”
Is-Sur Micallef żied jgħid kif il-pjanti li mhumiex se jibqgħu fil-Belt b’mod permanenti, se jingħataw lil diversi Kunsilli Lokali bħala donazzjoni.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli stqarret kif dan l-avveniment ta l-opportunità sabiex jiġu introdotti diversi inizjattivi ambjentali.
Fil-fatt, waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, il-Ministru tkellem fuq inizjattiva li hija mmirata sabiex toffri alternattiva għax-xiri tal-fliexken tal-plastik.
Il-Ministru Dalli sostniet: “Fil-fatt, għandna dak li jissejjaħ ‘water buggy’ bħala parti mill-inizjattiva tal-ilma ‘WAW’. Qegħdin naraw hawn bħala proġett pilota, l-ewwel inizjattiva biex in-nies jibdew jiġu bil-fliexken tagħhom li jistgħu jimtlew bl-ilma ħalli jieħdu dak l-ilma tajjeb għax-xorb u nkunu qegħdin nevitaw milli nixtru fliexken tal-plastik.”
Din l-inizjattiva se tidħol f’Buġibba u f’Ta’ Sliema fis-sajf li ġej u hija biss waħda mill-inizjattivi mmirati sabiex jonqos l-iskart.