Steve u Daisy.
Dawn l-aħwa fuq erba’ saqajn huma inseparabbli. Fil-fatt lil Steve ftit li xejn tarah waħdu għaliex Daisy, id-dell tiegħu, dejjem taraha dlonk imwaħħla miegħu. Fejn imur hu, tmur hi.
Il-koppja llum jinsabu fil-kustodja tas-Santwarju ta’ Noah’s Ark hekk kif dawn il-klieb instabu abbandunati lejn l-Aħrax tal-Mellieħa.
Tkellimna mal-President tas-Santwarju, Fabio Ciappara, li spjega li kif mal-ewwel daqqa t’għajn indunaw li kien hemm xi ħaġa stramba fil-mod kif iġibu ruħhom ma’ xulxin, sakemm saru jafu li Steve huwa fil-fatt għami.
Fabio spjegalna: “Xħin wasalna indunajna li hemm xi ħaġa stramba fihom għax baqgħu flimkien, attached together. Wara li ġbarnihom sirna nafu li Steve huma għami, ma jarax u hi kienet il-gwida tiegħu. Dawn joħorġu flimkien il-female tiggwidah lil Steve, il-ħin kollu, fejn tmur hi, imur hu. Hi l-għajnejn tiegħu.”
Spjega wkoll li Daisy hija għajnejn Steve, u għalhekk dan is-santwarju jixtieq li dawn il-klieb li għandhom imħabba kbira x’joffru, jiġu adottati flimkien bħala aħwa.
Fabio sostna: “Jekk jiġu addottati flimkien għax dawn ma joqogħdux mingħajr xulxin. Hi l-għajnejn tiegħu. Anki tarahom flimkien jieklu, tistennieh jiekol qabilha xħin ittih jiekol. Hu jxomm l-ikel, ixomm l-ilma imma xorta jħares, ifittex lilha u hi tfittex lilu.”
Noah’s Ark bħalissa għaddej bi ġbir ta’ fondi biex jiġbru s-somma sabiħa ta’ għaxart elef ewro b’risq aktar minn erbgħin annimal li bħalissa qed isejħu lil dan is-santwarju bħala darhom.
Huwa qal,“Kull kelb ikollu pen għalih attrezzata b’kollox. Madum nadif, bedding, fuq wara għandhom kamra tas-sodda fejn jorqdu.”
Fabio temm jgħidilna li kelb huwa responsabbilità għal ħajtek u wieħed għandu jaħsibha sew qabel jintriga b’annimal illi l-imġieba tiegħu kapaċi tinbidel.