Stramba din id-domanda. Kif jista’ l-imgħoddi imur x’imkien fil-futur?! Imma hija mistoqsija li jistaqsu dawk li b’xi mod jew ieħor iħossu l-polz ta’ ruħ il-poplu. U fejn tinsab ruħ il-poplu? Tinsab f’dak li l-imgħoddi sawwar f’diversi taqsimiet tal-ħajja tal-bniedem u li xi darba għarrex lil hinn mill-ħtiġijiet essenzjali ta’ kuljum.
Il-bniedem ta’ kull żmien – ukoll dawk li jgħixu fi gżira żgħira bħalna – għandhom bżonnijiet li mingħajrhom ma jgħixux: iridu jqumu għax-xogħol, jaqilgħu l-flus biex jixtru x’jieklu, irabbu lil uliedhom bl-aħjar mod li jistgħu, jorqdu bl-aktar mod san sabiex l-għada jkomplu r-rutina. Jinħtiġilhom ukoll jistrieħu, jiddevertu imqar meta ma kellhomx biex, billi jirrakontaw x’għadda mingħalihom liż-żgħar tagħhom ħalli dawn jitgħallmu jieħdu l-eżempju għall-ħajja aħjar fil-ġejjieni.
Ix-xogħol: bejn kastig u tisħiħ il-bniedem
Imma barra l-ħtiġijiet essenzjali – li Malta llum qed tavvanza qatigħ fihom – il-bniedem jinħtieġ ukoll jaħseb kif jista’ jkun aħjar fl-ambjent li jgħix, jirrifletti, janalizza u jhewden xhemm madwaru li jista’ jtejjeb. B’xorti ħażina fil-każ tagħna kien hemm perjodi fl-istorja meta, maħkuma kif kważi dejjem konna, missierijietna ftit li xejn sabu ħin jirriflettu, aħseb u ara jippjanaw għall-futur. Kienu lsienhom barra jaraw kif ilaħħqu mal-ħajja mingħajr ma jitilfu ruħhom, bit-tama li xi darba jkunu aħjar u jekk le tal-anqas jieħdu l-premju tal-ġenna wara ħajja miżera fuq din l-art. Ix-xogħol għal ħafna sekli kien meqjus kastig talli Adam u Eva dinbu fil-ġenna tal-art sakemm fl-aħħar anki l-Knisja Nisranija rat li x-xogħol isaħħaħ il-bniedem.
Il-Griegi li tawna diversi strutturi tad-demokrazija kienu jaħsbu li l-ilsiera biss jaħdmu; l-għorrief, il-mexxejja ma jistgħux jaħdmu nkella ma jsibux ħin jaħsbu kif itejjbu u jsebbħu ħajjithom. Dawn tal-aħħar kienu mixħutin iżjed fuq il-gwerer, l-espansjoni tal-artijiet iżda wkoll l-arti, il-mużika, il-kompetizzjoni fiżika. Din il-bażi taċ-ċiviltà baqgħet magħna – għalkemm illum ix-xogħol iġib dinjità wkoll lil min hu għani, komdu u paxxut. Min ma jagħmel xejn meqjus għażżien, jirkeb fuq l-oħrajn jew sfortunat.
Mela barra l-essenzjali tal-ħajja – dak li llum inqiesuh bħala l-qofol tas-suċċess ta’ kull soċjetà bħal impieg, flus u kumdità – hemm l-ispirtu, ir-ruħ, dak li jtina karattru seren f’bilanċ man-natura u ma’ dak li kapaċi noħolqu. Għadna sal-lum infittxu l-istatwi antiki tal-Griegi u r-Rumani, għadna sal-lum inżuru mużewijiet biex naraw u nistudjaw il-messaġġi li tawna l-artisti u l-ħassieba tal-imgħoddi. Mhux biss nitgħallmu minnhom, nifirħu b’li ħallewlna, talli nfittxu li nibnu l-futur tagħna fuq dak li baqa’ xhieda ta’ żmienhom. Għax permezz ta’ dan il-wirt sabiħ bnejna dak li għandna llum.
L-ekonomija u l-imgħoddi id f’id
L-ekonomija tat-turiżmu saret pilastru tal-ħajja Maltija llum u qed dejjem tikber. Tneħħi l-palazzi tal-Belt, is-swar, il-bliet storiċi, il-knejjes barrokki li għandna jifdal il-baħħ, gżira li ma tagħtix daqstant għelejjel għax xotta, imrewħa u maqtugħa f’nofs ta’ baħar.
Bnejna t-turiżmu tax-xemx u l-baħar iżda bħalhom hawn biżibilju fid-dinja u l-lukandi joffru daqstant bil-pixxini tagħhom. Nuru aktar saħħa – anki fix-xhur tax-xitwa – għax barra dawk għandna aktar fuq hiex nibnu.
Ġrajjietna tidher fuq kull ġebla li bnew dawk li kienu għamlu darhom hawn – San Ġwann, il-Bereġ, il-Palazzi, il-monumenti, il-ġonna, id-djar antiki u t-tempji li madwarhom dawwarna l-abitazzjonijiet ta’ kull żmien fl-irħula, li madwarhom bqajna norganizzaw il-festi li fl-aħħar mill-aħħar jiġbdu n-nies.
Smajna li n-Notte Bianca se tinfirex ukoll għall-Kottonera – tagħmilha għax il-port iffullat b’bini li jgħinek tiftakar l-imgħoddi, minn fejn ġej u fejn tista’ tmur. Ma tagħmilx Notte Bianca fix-xagħri, fuq il-baħar u fis-sema. Iddawwarha mat-toroq fejn xi ħadd qabilna ħaseb biex jibni s-sabiħ. Ma ħasibx biss biex ikun komdu, biex ikollu ħafna kmamar, biex jagħmel il-flus iżda biex isebbaħ fejn jgħix.
Kienu jiskolpu għadd ta’ figuri, disinji, armi u busti. Ħarsu lejn il-faċċati ta’ Kastilja, il-Berġa tal-Italja, id-dekorazzjoni tal-ħitan tal-Palazz tal-President jew il-pittura ġo San Ġwann. Dawn huma għodod utilitarji għall-ekonomija llum imma dawn jirrapreżentaw ukoll ir-ruħ tal-imgħoddi li fuqha aħna u uliedna rridu nibnu l-futur. Jekk nitilfu dawn ikollna problema nfittxu min aħna, fejn aħna, min konna u min se jkunu l-ġenerazzjoni li ġejjin. L-ekonomija u l-imgħoddi bilfors iridu jimxu id f’id.
Tibża’ għall-imgħoddi ma jfissirx tingħalaq fik innifsek. Ma jfisserx tgħix bit-tradizzjoni u ma jfisserx li tmur f’kantina, tidħol ġo bozza biex il-futur ma jilħqekx. It-teknoloġija llum saret l-akbar ħabib tal-imgħoddi – ma tidħolx f’mużew bla ma ssib gwida elettronika li tista’ tfehmek x’int tara, monitors li jieħduk lura fiż-żmien, projetazzjonijiet li joħolqulek opportunità ssir taf dak li trid bla ma jkollok iġġorr kotba tqal jew toqgħod siegħat fuq bank tisma’ xi taħdita. L-internet qed jifformalna l-ħsieb li fl-istess waqt naqsmu ma’ oħrajn mid-dinja kollha. Taf li qed ngħixu llum għax taf li f’ħafna naħat tad-dinja qed jagħmlu u jaħsbu bħalek. It-televiżjoni, iċ-ċinema tiddevertina; l-isport (meta ma taqlax xi ħamsa u jkeċċulek tnejn) iqarrbek lejn pajjiżi rivali. Fejn tista’, tinvesti fid-divertiment, fil-kultura, f’dak li jpaxxik biex taljena rasek mill-essenzjali ta’ kuljum.
Tat-terremot jibnu fuq l-imgħoddi għall-futur
Min għandu storja glorjuża għandu kapital daqs flus u deheb fid-depożiti tal-banek. Pariġi u Ruma jiftaħru bi ġrajjiethom, jonfqu bir-radam biex isebbħuhom u jbegħdu bini modern bla bżonn miċ-ċentri storiċi. Wara t-terremot taċ-ċentru tal-Italja qed iwarrbu biljuni biex jibnu kollox kif kien ‘ħa jibżgħu għall-identità tagħhom’. Ma jridux jitilfu l-kampnar li kien iwennishom, il-knisja u l-opri tal-arti li kienu jaraw fil-festi, it-toroq dojoq u l-bini qadim. Eħfef tibni belt ġdida lil hinn mill-periklu iżda le t-Taljani tal-lum iridu jibnu l-futur fuq l-imgħoddi. Il-ftit eluf milquta faċilment jistgħu jitpoġġew f’xi tużżana torrijiet qrib belt industrijali bħal Milan u Turin. Le jixtiequ jerġgħu jibnu fejn kienu l-antenati tagħhom, fejn twieldu, trabbew u għandhom it-tifkiriet tagħhom. It-terrimot qatlilhom 300 iżda fejn mietu qrabathom, ħbiebhom iridu jibnu l-futur. L-abbużi fuq binjiet ħziena ħasduhom bil-kbir iżda jsewwu dawk l-iżbalji jriedu u mhux ifittxu biss fejn ikunu fiż-żgur, jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum biex sempliċiment jgħixu bl-essenzjali.
Gzuz f’irqajja urbani
Ngħid li dan l-eżempju jgħallimna qatigħ. X’jiswa li nibqgħu ngezzu n-nies f’irqajja urbaniċi? X’jiswa li min għandu biex jiffanga b’arroganza jaħsad l-imgħoddi? Lejn liema eżempji rridu nħarsu? Malta qadima. Malta romantika. Malta ġawhra tal-arkitettura, tal-arti. Tagħtina identità. Meta l-Ħamis 8 ta’ Settembru ninġabru quddiem il-monument tal-Assedju ma nfakkrux biss l-imgħoddi għax ħaqqhom min jiftakarhom dawk li mietu għalina imma wkoll biex inwegħdu li ma neqirdux dak is-sabiħ li ddefendew, it-territorju li għexu fih, li madwaru bnew u sawwru identità. Ejja ma nħarsux ritwali sempliċiment għax drawwa ċivili jew ghax tidher fil-kalednarju kulturali; ejja nirriflettu f’dak li writna u b’responsabbiltà għandna nipperpetwawh għal ta’ warajna.
Meta bħala ċittadini denji – Malta kienet città Romana elfejn sena ilu – nagħrfu dan inkunu qed inħarsu dak li jagħmilna li aħna. Imma ċ-ċittadini waħedhom mhux biżżejjed. L-awtoritajiet huma rappreżentanti taċ-ċittadini u għandhom responsabiltajiet li jfittxu jħarsu wirt artna billi ma jħallux li jinqered l-ambjent, l-istil u d-dinjità li biha ta’ qabilna ħallew xhieda. Jinħtieġ nimxu wara eżempji ta’ bliet kbar (bħal Pariġi, Ruma) li għarfu jibżgħu għall-paesaġġ storiku ta’ bliethom. Malta ċkejkna. Iżgħar ferm minn Pariġi u Ruma – Malta titqies belt waħda – mhawnx lok wieħed f’dal-gżejjer li huwa ‘l bogħod mill-istorja tagħna. Tħares fejn tħares hawn firxa waħda tal-għajn. Li tħassar illum jibkuh ta’ warajna.
Tara torrijiet fi bliet fejn mhemmx storja. Fejn il-wesgħat u l-isfond huma massivi – ħares lejn Rio tara l-muntanji ogħla ferm mill-iskyscrapers. Tħares lejn Singapore, Dubai tilmaħ witjiet bla tarf ta’ ramel. Dak mhux il-paesaġġ tagħna. Hemm ir-ruħ fl-ambjent urbaniku tagħna; hemm il-futur fl-imgħoddi li writna.
Ritratt tal-ġimgħa juri dehra tal-wesgħa quddiem San Ġwann mgħotti bil-karozzi elettriċi u mogħnija bi krejn fin-niżla ta’ Triq San Ġwann. Kemm aħna sensittivi mid-dehriet li toffri l-Belt bl-ambjenti urbaniċi?
Ritratt f’ras il-blog juri l-faċċata sabiħa tal-berġa tal-Italja – xhieda tas-sbuħija tal-imgħoddi – wara li ġiet restawrata biex tibda tilqa’ l-Muża.