Il-kummenti tal-plejer internazzjonali Malti, Andrè Schembri, wara l-logħba kontra l-Ingilterra intlaqgħu minn bosta.
Ħafna li jsegwu l-futbol ħadu pjaċir li fl-aħħar hemm plejer tat-tim nazzjonali Malti, f’dan il-każ il-captain, li jaħsibha bħalhom. Li mhux kuntent li t-tim tilef. Anke jekk it-telfa kienet bl-iskor ta’ 2-0 kontra l-Ingliżi. Naqbel miegħu għaliex it-2-0 ma jirriflettix l-andament tal-logħba fejn it-tim tagħna bil-kemm mess ballun għal ħafna ħinijiet. Kif qal Schembri “għamlu cross country.”
Ngħid għalija Andrè Schembri għandu l-leġġitimita li jagħmel id-dikjarazzjonijiet li għamel għaliex huwa plejer li dejjem irsista biex jilħaq l-ogħla livell. Illum jilgħab mal-Boavista, fil-Portugall. Fil-passat lagħab pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja u l-Ungerija. Kien x’kien it-tim, Schembri dejjem żamm f’moħħu li jrid jibqa’ jilgħab barra l-pajjiż għax hekk jgħolli l-livell. Schembri kien lesta li jagħmel is-sagrifiċċju u jiffaċċja l-isfidi kbar tal-logħba tal-ballun f’livell internazzjonali. Ħafna minn sħabu ma jistgħux jgħidu l-istess. Għalkemm kull plejer tisimgħu jgħid li x-xewqa tiegħu hi li jilgħab barra minn xtutna, dawk fiċ-ċrieki tal-futbol Malti ħafna jafu li ħafna plejers Maltin (ta’ ċertu livell) huma komdi hawn jilagħbu l-Victor Tedeso jew Ta’ Qali.
Paga tajba mal-klabb għal xogħol part-time, xogħol full time ieħor u qrib il-familja l-ħin kollu f’pajjiż fejn il-kwalità tal-ħajja hija eċċezzjonali. Dan kollu flimkien ma’ post assigurat fit-tim li jilagħbu miegħu.
Mela din missu żieda Andre Schembri.
Għax Andrè qal “Il-problema mhux aħna l-plejers. Il-problemi qegħdin fuqna min qed imexxi.”
Li l-MFA tista’ tagħmel iktar m’hemmx dubju. Għaliex Norman Darmanin Demajo, li nies qrib Schembri qisuh is-salvatur ftit tas-snin ilu, m’għamilx il-mirakli. Peró xogħol sar ukoll.
Forsi mhux biżejjed tant li ssemmiet ‘reshuffle.’ Kumbinazzjoni smajt l-istess kliem minn nies li diġa’ għandhom żiemel x’jimbuttaw għall-wara l-President tal-MFA preżenti. Naturalment, m’għandiex għax naħseb li dan kien li qed jaħseb Schembri. Sal-lum nemmen li Schembri kien qed jitkellem ta’ plejer imweġġa’. Plejer li l-logħba jħobbha u li jinżel fil-grawnd biex jirbaħ. Peró jekk irid li nirbħu llum ma jistax jerġa’ jgħid li l-plejers m’għandhom ebda ħtija. Għax f’dak il-każ nieqfu nilagħbu u nerġgħu ninżlu għal-logħob meta ssir ir-reshuffle. Għoxrin sena oħra!