Is-settur amministrattiv kien dak fejn l-iktar li żdiedu n-nisa fl-impjieg bejn Diċembru tas-sena 2012 u Diċembru li għadda. Perjodu fejn pajjiżna esperjenza żieda enormi fin-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol.
Tagħrif maqsum f’20 kategorija differenti jagħti stampa ċara ta’ fejn daħlu jaħdmu t-18,191 mara li bejn l-aħħar xahar tal-2012 u l-aħħar xahar tas-sena li għaddiet bdew esperjenza fl-impjieg.
It-tieni l-iktar settur li fih daħlu nisa jaħdmu kien dak tal-edukazzjoni, segwit minn dak tal-bejgħ u l-ħwienet. Is-servizzi tas-saħħa segwew fir-raba’ post u dawk professjonali, xjentifiċi u tekniċi kienu fil-ħames post, fejn segwew l-arti, id-divertiment u r-rilassament bħala s-sitt settur li l-iktar li kibru l-impjiegi fih.
Kienu biss is-setturi tal-elettriku u l-kostruzzjoni li raw inqas nisa jaħdmu fihom milli kien hemm fl-2015.
Fi żmien fejn qed nisimgħu ħafna dwar l-ugwaljanza f’kull sfera tas-soċjetà Clyde Caruana, Chairman Eżekuttiv ta’ JOBS+, qal li dan huwa rifless fil-ħidma kontinwa li esperjenza l-poplu Malti sabiex in-nisa u l-irġiel jingħataw l-istess opportunitajiet.
“Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern proprju għaliex dan il-Gvern jemmen bi sħiħ li s-soċjetà Maltija tkun iktar b’saħħitha jekk nużaw il-potenzjal ta’ kull individwu. Huwa proprju għalhekk li fil-leġiżlatura preċedenti, dan il-Gvern introduċa pakkett ta’ miżuri biex jinċentiva lin-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li l-familja jkollha serħan il-moħħ li t-tfal huma f’ambjent san u edukattiv,” qal Caruana.
Spjega kif waħda mill-miżuri li wasslet għal moviment qawwi ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol kienet l-introduzzjoni taċ-Childcare b’xejn, ikkumplimentata b’numru ta’ miżuri oħra bħal Klabb 3-16 u l-Breakfast Clubs.
Miżura oħra introdotta fl-2015 kienet dik tal-fond tal-leave tal-maternità fejn il-piż ma baqax aktar fuq min iħaddem fis-settur privat iżda inqasam fuq l-employers kollha permezz ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jħallsu.
L-In-Work Benefit u t-Tapering tal-Benefiċċji kienu żewg riformi oħra li ġew introdotti sabiex il-familji Maltin ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ benefiċċji finanzjarji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol. “Grazzi għal dawn ir-riformi, ir-rata ta’ nisa fl-impjieg (ta’ età bejn l-20 u l-64) żdiedet minn 46.6% fl-2012 għal 55.5% fl-2016. Iżda dan huwa biss il-bidu. Dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dan il-pedament sabiex tassew Malta tibqa’ fiċ-ċentru tal-ugwaljanza,” spjega Caruana.