Waqt li ssoktat waħda mill-kawżi dwar l-inkjesta tal-Vitals, fuq il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella, ħareġ kif l-eks Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna dejjem imxew mal-pariri tal-Avukat tal-Istat.
Dan seħħ waqt seduta oħra twila fil-Qorti l-Erbgħa filgħodu fejn l-avukati tad-difiża, li qed jirrappreżentaw lil Mr Fearne u l-Professur Scicluna, flimkien ma’ 13-il persuna oħra, argumentaw dwar l-akkużi li saru fil-konfront tal-klijenti tagħhom.
Fost l-oħrajn, instab ukoll li Steward Healthcare kienu gidbu meta qalu li Mr Fearne kien f’Boston, l-Istati Uniti, nhar il-15 ta’ Frar tal-2018 meta sar il-ftehim magħhom. Fil-verità, kif ġie pprovat, hu kien f’pajjiżna u saħansitra indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, fl-istess ġurnata.
Dwar dan, ittella’ anke jixhed l-editur tal-Malta Independent li kkonferma li huma kienu rrapportaw l-istess konferenza dakinhar fejn kien preżenti d-Deputat Mexxej Laburista.
L-avukat difensuri wkoll komplew jargumentaw dwar il-validità tal-provi mressqin mill-esperti internazzjonali, li tqabbdu fl-inkjesta ta’ €10 miljun u damet aktar minn erba’ snin.
Il-Maġistrat Leonard Caruana, li qed jippresiedi din il-kawża, tenna li l-Qorti issa se tara jekk hemmx biżżejjed provi biex l-akkużati jitqegħdu taħt att ta’ akkuża jew effettivament jinħelsux mill-akkużi. Tali deċiżjoni se tittieħed nhar l-Erbgħa li ġej, 24 ta’ Lulju.