Jekk jingħata l-fiduċja tal-membri tal-Partit Labursita u jiġi elett mexxej, Chris Fearne se jerġa’ jiftaħ il-Bordijiet tal-Inġustizzji li kienu twaqqfu fil-leġislatura li għaddiet.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar dan waqt il-programm Pjazza, meta sostna li minkeja li l-Gvern għamel ħafna ġid fil-pajjiż, xorta għad fadal nies li jħossu li saret inġustizzja magħhom fil-passat li ma ġietx riżolta.
Fearne qal li dawn il-bordijiet għandhom janalizzaw ukoll l-inġustizzji li saru fl-ewwel leġislatura ta’ Gvern Laburista.
“Għad hemm pockets, partijiet tal-Awtoritajiet u tal-Gvern fejn għadhom iġorru l-għeruq ta’ gvernijiet nazzjonalisti u għad hemm nies tagħna li baqgħu jiġu inġustament trattati. U allura jien irrid nerġa’ niftaħ il-bordijiet li konna waqqafna wara l-elezzjoni tal-2013 biex nerġgħu nisimgħu każijiet ta’ nies li jappellaw imma wkoll il-każijiet ġodda”
Id-Deputat Prim Minsitru spjega li ltaqa’ ma’ diversi persuni li wara li nqata’ il-każ tagħhom quddiem il-bord li kien infetaħ fl-ewwel snin ta’ Gvern Laburista, sabu evidenza ġdida li jaf tbiddel id-deċiżjoni li ttieħdet, u għalhekk għandu jkun hemm il-possibilità t’appell.
Fearne wiegħed li jekk dawn il-persuni, jew oħrajn li jersqu ‘l quddiem għall-ewwel darba, jinstab li għandhom raġun se jinstabilhom rimedju.