Fis-seduta Parlamentari tat-Tnejn, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, tal-Partit Laburista, Chris Fearne, talab il-protezzjoni tas-sedja biex ikun jista’ jkompli jaqdi dmirijietu.
Fearne għamel referenza għal diversi artikli ppubblikati, li jindikaw ċar kif hu kien vittma ta’ frameup li nħema kontrih. Hu qal kif dan il-frameup sewa aktar minn €6 miljun, bi stejjer kompletament ivvintati.
Fil-fatt, Fearne fakkar kif kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tinvestiga kemm lilu u lil dan is-sors fejn kien ġie informat li l-istejjer kienu foloz u li fuqu ma kien hemm ebda dell ta’ ħtija.
Qal li kompla jitlob lill-Kummissarju biex ikompli jinvestiga dan is-sors u jieħu passi skont il-liġi.
Fearne, żied jgħid li dan l-attakk kien ikkordinat u malinn kemm fuqu bħala ċittadin, rappreżentant tal-poplu u Deputat Prim Ministru.
Hu temm billi talab passi xierqa għall-protezzjoni tiegħu ħalli hu u familtu jiġu mħarsin minn kull periklu, għax jekk xi ħadd kien lest iwaqqfu milli jaqdi dmirijietu u jeliminah politikament, jista’ jasal jagħmel agħar minn hekk.
Qal, “Fl-aħħar nett, Mr Speaker, nitolbok tieħu l-passi, li jidhirlek li huma xierqa, biex familti u jien niġu mħarsa mill-periklu. Minn kien lest jonfoq aktar minn €6 miljun biex jeliminani politikament, permezz ta’ frameup, mhux se jiddejjaq jagħmel agħar minn hekk.”