F’diskors fil-Humboldt-Universität zu Berlin, fil-Ġermanja, il-President Malti George Vella aċċenna dwar l-politika internazzjonali u qal li l-għaqda tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tinżamm fl-oqsma kollha possibbli.
Hu qal li “fi żmien fejn il-valuri u l-ideali tagħna huma mhedda mill-gwerra u t-taqlib, il-popoliżmu u l-qawmien mill-ġdid ta’ ideali estremisti jew valuri kompetituri, irridu nkomplu nemmnu f’Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha u nistinkaw għaliha”.
Quddiem l-isfidi tas-sigurtà, il-President stqarr li d-diplomazija u n-negozjati huma l-pilastri fundamentali ta’ ħafna sistemi multilaterali li jaħdmu sew. Madankollu l-isfidi għas-sigurtà ma jistgħux jissolvew bl-użu tal-forza waħedha.
“Ir-rekord ta’ Malta s’issa wera b’mod ċar li l-istatus tagħha ta’ newtralità, imħaddem kif suppost, hu għodda siewja f’idejn min irid jaħdem biex iġib il-ġustizzja u l-paċi … f’idejn min irid ifittex il-ftehim, b’mezzi paċifiċi u diplomatiċi,” stqarr il-President Vella.
Il-President tenna li, minkejja ċ-ċirkostanzi attwali fl-Ewropa, in-newtralità ma waqqfitx lil Malta milli ssemma leħinha u tieħu b’mod attiv pożizzjonijiet sodi u kategoriċi.
Waqt id-diskors tiegħu lill-akkademiċi u l-istudenti, il-President Vella tenna bla riservi l-kundanna tiegħu għall-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu, filwaqt li appella biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal.
B’referenza għall-konflitt devastanti fil-Lvant Nofsani, il-President Vella esprima t-tħassib tiegħu dwar kif din il-gwerra diġà nfirxet fi mkejjen oħrajn fil-Lvant Nofsani, inkluż fid-dawl tal-attakki fuq bastimenti kummerċjali internazzjonali fil-Baħar l-Aħmar minn żoni kkontrollati mill-Houthis fil-Jemen.
Enfasizza li Malta qiegħda taħdem b’wiċċha minn quddiem fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u mill-aħħar ġimgħat biex tassumi l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) għal din is-sena.
F’Berlin, il-President iltaqa’ wkoll ma’ Michael Roth, Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ġermaniż, il-Bundestag.