Minn Jannar li għadda, l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali laqqmet 8,600 persuna.
Dan hekk kif aktar minn 3,900 anzjan ħadu t-tieni doża tal-vaċċin fid-djar tal-anzjani, filwaqt li tlaqqmu aktar minn 3,100 ħaddiem li jaħdmu mal-istess anzjani.
Din l-awtorità laqqmet ukoll lil 500 persuna b’diżabiltà u aktar minn 1,100 ħaddiem li jaħdmu magħhom.
Dan intqal waqt żjara li għamlu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia fiċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni li hemm fil-binja ta’ din l-awtorità f’Santa Venera.
Waqt din iż-żjara, intqal kif f’disat ijiem ingħataw aktar minn tlett elf doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Intqal ukoll kif din l-awtorità għenet fit-testijiet għal virus, hekk kif minn Ġunju li għadda għamlet aktar minn 75,000 test fid-djar tal-anzjani.