Minn Jannar sa Ottubru ta’ din is-sena, kważi sitt mitt immigrant ġew rilokati f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jew intbagħtu lejn pajjiżhom, minn Malta.
Dan intqal mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari.
Il-Ministru Camilleri qal li fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena kien hemm tliet mija u ħamsa u għoxrin immigrant irregolari li ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.
Intqal ukoll kif kien hemm sitta u tletin persuna oħra minn pajjiżi terzi li ntbagħtu lejn pajjiżhom wara li volontarjament, aċċettaw li jirritornaw lejn il-pajjiż t’oriġini tagħhom.
Fil-Parlament ħareġ kif ir-ritorn u r-ripatrijazzjoni ta’ dawn l-immigranti ġew jiswew ftit iżjed minn tliet mija u sittin elf ewro.
Tliet kwarti minn din l-ispiża ġiet koperta minn fondi Ewropej.
Ma’ dan l-istazzjon, Ryan Spagnol, mill-Ministeru għall-Intern spjega x’inhuma ż-żewġ prijoritajiet fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni: “Hemm żewġ prijoritajiet oħra, jiġifieri li l-piż jinqasam ma’ stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea permezz tar-rilokazzjonijiet tal-immigranti u anke r-ritorn li jsir sforz akbar biex persuni li ma jkunx ħaqqhom protezzjoni f’Malta jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu. Ovvjament il-proċess mhuwiex faċli, qed nitkellmu ħafna drabi fuq persuni li ma jkollomx dokumentazzjoni u allura tiddependi fuq il-pajjiż tal-oriġinu tal-persuna li jidentifika lil dawn il-persuni.”
Ir-riżultati ta’ din is-sena fejn jidħol ir-ritorn inġiebu sforz ħidma kontinwa mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni.
Aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi waqqaf ukoll taqsima responsabbli mir-ritorn li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-oriġinu b’rabta mal-immigrazzjoni u tippromwovi aktar inċentivi disponibbli għar-ritorn volontarju.
Fi tweġiba parlamentari oħra, il-Ministru Byron Camilleri qal kif bejn l-elfejn u għaxra sa nofs Novembru ta’ dan ix-xahar kien hemm elfejn u ħamsa ħamsin immigrant, li ġew rilokati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar erba’ snin ġie rilokati l-akbar t’immigranti li jkunu qed ifittxu l-ażil, hekk kif ġew rilokati 1,549 immigrant.
Intant, Ryan Spagnol żied jgħid kif fix-xhur li għaddew saret ħidma sabiex jissaħħaħ il-proċess tal-ażil f’pajjiżna, l-aktar permezz ta’ investiment fl-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali: “Meta għandek proċess tal-ażil iktar effiċjenti min ħaqqu l-ażil qed ittih iktar stabbilità, min ma ħaqqux protezzjoni qed iżżid iċ-ċans li żżid il-probabilità, meta qed tnaqqas id-dewmien, li dak li jkun ikun jista’ jkun f’pożizzjoni li ssir ħidma biex jiġi rritornat lejn il-pajjiż tal-oriġini.”