Mill-2014 sal-lum, azjenda li tikkultiva l-faqqiegħ f’Malta kabbret il-produzzjoni tagħha minn 200 tunnellata għal 500 tunnellata fis-sena; jiġifieri f’disa’ snin l-ammont li tikkultiva aktar minn irdoppja.
Din hija l-istorja ta’ suċċess tal-familja Gauci, li hija fost l-akbar produtturi tal-faqqiegħ f’pajjiżna.
John u Carmen ilhom is-snin ikabbru l-faqqiegħ u maż-żmien trawmu wkoll it-tliet uliedhom biex jieħdu ħsieb il-produzzjoni tal-faqqiegħ frisk lokali.
Waqt żjara li ONE News għamel fl-azjenda tal-kultivazzjoni tal-faqqiegħ tagħhom fl-Imġarr, li matulha John Gauci spjegalna pass pass il-proċess, binthom Riana qaltilna li l-konsumatur Malti u Għawdxi qed jixtri prodott frisk li jkun għadu kemm inqata’.
Hija qalet, “Il-prodott tagħna huwa frisk għax, meta jinqata’, kważi kważi lanqas imiss ġol-cold room għax id-domanda għalih hija kbira.”
Spjegatilna li dan ix-xogħol jirrikjedi dedikazzjoni liema bħalha.
“Aħna naħdmu kuljum – bilfors dan ix-xogħol, ma jħallikx taqbiżha, għax jekk ma taqtagħhiex, inti, trid tarmiha. Ma tkunx tajba għall-fresh market u, ovvjament, taqa’ lura. Naħseb, iva, min ikun jixtieq dan ix-xogħol, trid tkun dedikat.”
ONE News tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chefs Society, Dr Lino Schembri dwar il-vantaġġ tal-faqqiegħ Malti anki fil-kċejjen tal-istabbilimenti tal-ikel.
Huwa stqarr, “Mushroom lokali hija maqtugħha u mhux maqlugħa, allura l-qiegħ tagħha ma jkunx maħmuġ, u hija xi ħaġa li fil-kċina, ir-ristorant jew ix-chefs ma tantx ikunu jridu li jdaħħluha. L-ewwel nett iżżidilhom ix-xogħol u t-tieni nett qed jikkontaminaw il-kċina, li hija xi ħaġa li mill-ewwel ngħidu biex ma tikkontaminax il-kċina billi jkollok l-affarijiet nodfa meta ddaħħalhom fil-kċina.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, saħqet fuq kemm huwa importanti, li settur bħall-biedja jibqa’ ħaj anke fost il-ġenerazzjoni l-ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari qalet, “Ġejna hawnhekk naraw il-proċess tat-tkabbir tal-mushrooms ġewwa l-Imġarr Mushroom Farm. Tieħu gost tara niċċa ġdida fil-produzzjoni tal-mushrooms li hija storja ta’ suċċess minn familja Mġarrija. Nieħu gost nara anke lit-tfal tagħhom, li se jkunu qegħdin jimxu ’l quddiem f’dan is-settur li, fl-aħħar mill-aħħar, hu importanti għall-konsumatur Malti u anke għas-sigurtà tal-ikel.”