Għal darb’ oħra pajjiżna jerġa’ jirreġistra żieda fin-numru ta’ turisti li qed jagħżlu pajjiżna għal vaganza tagħhom.
Dan tikkonfermah statistika li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika li juri kif in-numru ta’ turisti fix-xahar ta’ Ġunju żied b’ 5.8% fuq Ġunju tas-sena li għaddiet.
Matul ix-xahar ta’ Ġunju żaruna total ta’ aktar minn 194,500 turist, li qattagħu mal-1.44 miljun lejl u ħallew dħul finanzjarju turistiku ta’ €169.5 miljun, jiġifieri 4% aktar minn dak irreġistrat f’ Ġunju 2015.
Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena waslu pajjiżna aktar minn 835,000 turist, li tfisser tkabbir ta’ 9.7% fuq l-istess xhur tal-2015. Malta rreġistrat żieda konsiderevoli wkoll fl-iljieli mqatta minn dawn it-turisti, żieda ta’ 8.6%.
L-infieq turistiku rrekordjat fl-ewwel sitt xhur tal-2016 kien ta’ €656.4 miljuni, tkabbir ta’ 5.7% fuq Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra u li ssarraf f’€35.7 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis spjega kif issa li għandna stampa ċara tal-andament turistiku ġewwa pajjiżna, nistgħu b’kunfidenza nħarsu b’ottimiżmu ‘l quddiem lejn il-kumplament tas-sena.
“Dan ir-riżultat pożittiv u sinifikanti li ksibna fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena se jkun ta’ xprun u nkoraġġiment għal kumplament tas-sena. Inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu fit-triq li niksbu rekord turistiku ieħor għas-sena 2016,” qal Zammit Lewis.