Tul ix-xhur tas-sajf ukoll jibqa’ l-appell sabiex wieħed jagħti d-demm.
Dan hekk kif fl-aħħar tlett ijiem kienu biss sitta u disgħin persuna, li huwa n-nofs ta’ dak li ġeneralment ikun hemm, li marru jagħtu d-demm.
It-Tabiba Monique Debattista, li hija Konsulent fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, saħqet li l-ħtieġa tad-demm jibqa’ anki f’din is-sħana: “Il-bżonn tad-demm ma jieqaf qatt, il-pazjenti tagħna ovvjament jibqgħu għaddejjin b’ċertu kuri u trattamenti l-isptar li jkollhom bżonn is-sapport kontinwu. M’hemmx serħan, jiġifieri l-appell tagħna jibqa’ li n-nies jibqgħu jiġu hawn anke f’din is-sħana.”
Dr Debattista qalet magħna kif il-proċess sabiex wieħed jagħti d-demm huwa ta’ madwar għaxar minuti, fejn tkun qed tgħin lill-persuni li jkunu se jiġu operati.
Hija sostniet: “L-appell tagħna huwa li bħalissa għandna bżonn speċifikament l-O positives. Jiġifieri jekk dak li jkun jaf x’inhu l-blood group tiegħu napprezzaw ħafna li jiġu jżuruna. Importanti dejjem li jġibu l-ID Card magħhom, kemm jista’ jkun qed nevitaw il-folol minħabba l-pandemija. Imma min jaf min jista’ jagħti forsi jista’ jħajjar lil ħaddieħor jiġu miegħu, għajnuna kbira ħafna għalina.”
Iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardjamanga jinsab miftuħ kuljum mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sitta ta’ waranofsinhar.