Il-Moviment Graffiti flimkien mal-Young Progressive Beings u Women’s Rights Foundation tellgħu dimostrazzjoni bil-għan li jkomplu jqajmu kuxjenza fuq il-vjolenza domestika fuq in-nisa.
Id-dimostrazzjoni bit-titlu “In-Nisa Jixraqilhom Aħjar” ttellgħet l-għada tal-Jum Internazzjonali għall-Eleminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa.
L-għaqdiet volontarji esebew sittax-il par żarbun li kienu tas-sittax-il vittma mara li nqatlu mis-sieħeb jew raġel tagħhom sa mill-2010 ‘l hawn.
Intant, tkellimna ma’ waħda mill-attivisti f’din id-dimostrazzjoni li fost l-oħrajn spjegatilna kif il-vjolenza domestika tista’ tieħu diversi forom barra dik fiżika.
Francesca Zammit qatilna, “Il-vjolenza domestika mhijiex biss dik li xi ħadd isawtek id-dar. Il-vjolenza domestika hija tgħajjir, huwa kontroll eċċessiv fuq dak li l-mara tista’ tagħmel tistax toħroġ, tistax taħdem, kontroll li l-persuna mhijiex qed tgħix ħajjitha imma qed tgħix ħajjitha fil-biża’ taħt il-kontroll ta’ xi ħadd ieħor li m’għandux ikun.”
Hija għamlet referenza għal sterjotipi li l-vittmi jiltaqgħu magħhom fejn ma jkunux emmnuti jew inkella jgħidu li l-każ seħħ kawża tal-ilbies jew il-post fejn il-vittma tkun marret.
Għaldaqstant, din it-tip t’attitudni għalkemm hija tal-ftit tista’ twassal li ċertu nisa jgħixu ta’ kuljum f’sens ta’ biża’.
Zammit żiedet tgħid li hu diffiċli li wieħed jikseb stampa ċara tas-sitwazzjoni hekk kif huma bosta vittmi li minkejja l-abbuż fuqhom ma jirrapurtawx il-każ tagħhom: “Bħala statistiċi diffiċli li tkun taf għaliex ħadna nisa ma jirrappurtawhomx dawn l-affarijiet, jiġifieri tkun bilqiegħda tieħu kafè u tibda tisma’ għax dik ġralha hekk.”
Madanakollu, Francesca Zammit saħqet li hawn diversi għajnuniet disponibbli għall-vittmi fosthom helplines fejn persuna tista’ tagħmel kuntatt ma’ professjonijisti: “Hawn ħafna għajnuniet li huma aktar speċifiċi eżempju minn Victim Support Malta li huma terapisti, psikologi hemm eżempju grupp li joffrulek sapport legali.”
Hija temmet tappella lil kull min hu vittma jew jaf xi vittma ta’ kwalunkwe forma ta’ vjolenza sabiex jikseb l-għajnuna.