Il-ħajja fit-toroq tal-Belt wkoll ġiet vittma tal-Coronavirus. F’dik li għal dawn l-aħħar snin kienet Belt mimlija ħajja li qatt ma kienet torqod, issa filgħaxija bil-kemm tara ruħ.
One News żar it-toroq tal-Belt is-Sibt filgħaxija meta s-soltu bosta kienu jerħulha lejn Strada Stretta, dik it-triq li mimlija stejjer u intriċċi fi żmien l-Ingliżi.
Siġġijiet fuq xulxin, stabbilimenti magħluqa u skiet perfett. Hekk biss bqajt tara u tisma f’din it-triq, meta tippassiġġa fiha bil-lejl, minn mindu n-nies intasbet ġewwa tfittex il-kenn mill-Coronavirus.
Iltqajna ma’ Andrei Imbroll, sid ta’ bosta stabbilimenti fi Strada Stretta li spjegalna kif l-imxija kienet bħal sajjetta fil-bnazzi li waqfet kollox ħesrem.
“Għall-ewwel x’ħin għalaqna l-bibien wara dawk is-snin kollha ta’ xogħol, ta ħidma, biex terġa’ tqajjem Strada Stretta kienet għafsa ta’ qalb kbira żgur, pero mal-ewwel poġġejna rasna hemm biex naħsbu x’nistgħu nagħmlu u kif jerġa jiftaħ kollox.”
Huwa stqarr li madankollu fiduċjuż li meta jgħaddi kollox Strada Stretta terġa’ tieħu l-ħajja kif drajna narawha fl-aħħar snin.
“Valletta bħala destination, żgur li il-brand tagħha huwa fenomenali, kemm Malta imma anke fid-dinja kollha, u meta jkollok brand bħal dak żgur li ser ikun wieħed mill-postijiet li jerġa jaqbeż fil-quċċata f’qasir żmien.”
Pero għalissa l-arloġġ fi strada stretta bħal donnu waqaf.
Dan sakemm din is-sitwazzjoni noħorġu minnha u nkunu nistgħu nerġgħu nirritornaw fit-triq id-dejqa li dari d-djuqija qatt ma għamlet biha.