Il-qgħad għax-xahar ta’ Diċembru reġa’ naqas b’aktar minn 130 persuna.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Fl-aħħar xahar tas-sena n-numru ta’ nies qiegħda kien ta’ 2,765 persuna.
Dan huwa tnaqqis fuq ix-xahar ta’ qabel meta l-qgħad kien jgħodd 2,898 persuna.
L-istatistika tal-NSO turi li dawk li ilhom jirreġistraw għax-xogħol bejn wieħed u għoxrin ġimgħa u tnejn u ħamsin ġimgħa naqas bi kważi 50 persuna.
Il-qgħad ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għas-seba’ xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ 4,409, sal-aħħar ta’ Diċembru n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas b’aktar minn 1,600 (1,644).
F’Ġunju, wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-qgħad kien diġà niżel bi kważi 140 persuna.
Malta għamlet ukoll ħames xhur konsekuttivi bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
F’Ottubru wkoll, għall-ħames xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Intant b’rabta ma’ din l-aħħar statistika, fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal li kważi żewġ terzi tan-nies li tilfu xogħolhom wara li faqqgħet il-pandemija issa qed jerġgħu jaħdmu.
In #December #unemployment fell for the seventh consecutive month. Nearly two thirds of those who lost their job after the #pandemic are now back in #work. Towards a new prosperity – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 5, 2021